Lokali

Il-prezz li bih il-Gvern se jixtri l-elettriku se jibqa’ sigriet

Joseph Muscat u Konrad Mizzi assenti mill-'press briefing' mal-media

Wara xhur ta’ stennija, il-Gvern ippubblika l-kuntratti tal-powerstation tal-gass, imma żamm l-aktar partijiet importanti moħbija. Filfatt, għalkemm il-Gvern ippubblika total ta’ tmien kuntratti, il-biċċiet dwar kemm il-Gvern se jkollu jħallas biex jixtri l-elettriku mingħand l-Electrogas, jiġifieri l-operatur tal-powerstation tal-gass. Id-dettalji dwar dawn il-kuntratti ngħataw waqt ‘press briefing’ teknika fil-berġa ta’ Kastilja. Il-ġurnalisti ssejjħu għal din il-‘press briefing’ teknika wieħed wieħed.

Bil-kuntratt li nnegozjaw Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, il-Gvern se jkun obbligat li jixtri l-elettriku mingħand l-Electrogas għal tmintax-il sena sħaħ, anke jekk isib jixtri elettriku b’irħas minn sorsi oħrajn, bħall-pereżempju mill-interconnector. Jekk il-Gvern jixtri l-elettriku minn sors ieħor, xorta waħda jkollu jibqa’ jħallas lill-Electrogas. Imma l-kuntratt ippubblikat ilbieraħ l-anqas juri l-prezz li bih l-Enemalta (f’isem il-Gvern) se tkun qed tixtri l-elettriku mill-powerstation tal-gass (magħrufa teknikament bħala ‘Delimara 4′). Dan ifisser li l-prezz li se jħallas il-poplu Malti baqa’ jinżamm moħbi.

Il-kuntratt jistipula li l-prezz tal-elettriku se jkun fiss għall-ewwel ħames snin, imbgħad ikun modifikat skont numru ta “indiċi” fis-swieq internazzjonali. Waqt il-‘press briefing’ staqsejna biex jiġi spjegat dan xi jfisser, u fi ftit kliem, dan ifisser li ma’ kull konsenja ta’ gass naturali (LNG) li tasal Malta biex tissuplixxi l-gass lill-powerstation il-ġdida, il-prezz li bih jinbiegħ l-elettriku lill-Gvern ikun revedut skont numru ta’ fatturi influwenzati fuq livell internazzjonali. Dan ifisser li l-prezz li bih se jinxtara l-elettriku mill-Electrogas wara l-ewwel ħames snin possibilment jista’ jgħola skont numru ta’ fatturi.

Iffaċċjati biex jgħidu x’inhuma dawn il-fatturi li jistgħu jiddeterminaw żieda fil-prezz tal-elettriku wara l-ewwel ħames snin, l-uffiċjali preżenti waqt il-‘press briefing’ saħqu li din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva. Madanakollu, ma eskludewx li l-prezz internazzjonali tal-gass u l-prezz internazzjonali taż-żejt ikunu fost il-fatturi li jittieħdu f’kunsiderazzjoni meta jiġi rivedut il-prezz li bih jinbiegħ l-elettriku lill-Enemalta. Waqt il-‘press briefing’ staqsejna kemm-il darba dwar figuri ta’ flus fil-kuntratti, iżda t-tweġiba li ngħatajna kienet li “l-ebda figura ta’ flus mhi ppubblikata”.

Illum ġew ippubblikati (bl-aktar biċċiet importanti nieqsa) il-kuntratti marbuta mal-powerstation tal-gass u l-Electrogas (‘Delimara 4′). Illum mistennija jiġu ppubblikati l-kuntratti marbuta ma’ dik li hi magħrufa bħala l-powerstation tal-BWSC (Delimara 3), li nbiegħat lix-Shanghai Electric, u li minnha ċ-Ċiniżi qed jagħmlu profitti ta’ eluf kbar ta’ ewro kuljum grazzi għal dan il-bejgħ.

Għalkemm il-Ministru Konrad Mizzi kien f’Kastilja waqt l-għoti tal-‘press briefing’, hu baqa’ ma tfaċċax għal-laqgħa u meta staqsejna jekk nistgħux nieħdu kumment tal-Ministru, l-uffiċjali preżenti ma pprovdewx risposta għajr struzzjoni biex nikkomunikaw mal-assistenti ta’ Konrad Mizzi.

It-tanker tal-gass ‘Armada LNG Mediterrana’ ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk, fejn se jibqa’ sorġut b’mod permanenti

Konferma kemm il-kuntratti huma “kuntratti korrotti” – il-PN

Intant, dwar dan, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-pubblikazzjoni tal-kuntratti hija konferma kemm il-Gvern ta’ Joseph Muscat hu Gvern falz li jipprova jgħaddi n-nies biż-żmien f’kull ċans li jkollu, bil-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Gvern qed jibqa’ jaħbi r-rati li nnegozja u li huma rati oxxeni għall-fatt li huma d-doppju ta’ dawk li qed iħallas il-Gvern bħalissa biex jixtri l-elettriku mill-interconnector.

“Il-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt ikun jaf b’kemm qed jinsteraq mill-klikka korrotta f’Kastilja f’kontijiet għoljin li jistgħu jkunu ferm orħos bir-rati tal-interconnector” qal il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija tiegħu, li fiha żied li n-nies li nnegozjaw dawn il-kuntratti huma n-nies li nqabdu li fetħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom ipoġġu miljun ewro fis-sena li ġejjin mill-commissions. “Dak li għamel il-Gvern ikompli jikkonferma kemm dawn il-kuntratti huma korrotti” itemm jgħid il-Partit Nazzjonalista.

Muscat jinsisti li d-dibattitu xorta jsir il-Ħamis filgħodu

Sadanittant, fid-dawl tal-fatt li siltiet mill-kuntratti bdew jiġu ppubblikati ftit siegħat biss qabel id-dibattitu Parlamentari dwar dawn l-istess kuntratti skedat għal nhar il-Ħamis, fil-Parlament ilbieraħ filgħaxija, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-Viċi-Kap Mario De Marco insistew li d-dibattitu jiġi pospost bi ftit ġranet. Dan sabiex l-Oppożizzjoni jkollha ċ-ċans li tanalizza fid-dettal il-partijiet tal-kuntratti li ġew ippubblikati. Madanakollu, għal tliet darbiet wara xulxin, il-Prim Ministru Joseph Muscat insista li d-dibattitu jsir nhar il-Ħamis filgħodu.