Internazzjonali

‘Jinqatel’ ħu l-President tal-Korea ta’ Fuq

Kim Jong-nanm

Sorsi fil-Korea t’Isfel qalu li nqatel Kim Jong-nam, ħu l-President tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong-un, waqt każ li allegatament seħħ fi Kuala Lumpur, fil-Malasja.

Il-każ hu wieħed konfuż, bil-pulizija Malasjana tgħid li raġel mill-Korea ta’ Fuq, li kien qed jistenna biex jaqbad ajruplan mill-ajruport ta’ Kuala Lumpur, ‘marad u miet waqt li fi triqtu lejn l-isptar’. Intant, ir-raġel issemma bħala ‘Kim Chol’ u mhux bħala Kim Jong-nam.

Magħruf li Kim Jong-nam kellu 45 sena u kien l-akbar fost ulied l-eks Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-il — għalkemm ma kienx tal-istess omm tal-Mexxej komunista attwali, Kim Jong-un. Intant, jaħsbu li Kim Jong-nam kien ħarab mill-Korea ta’ Fuq wara li spiċċa ‘injorat’ għat-tmexxija tal-pajjiż talli kisirha ma’ missieru.

Fl-istess ħin, sorsi qrib il-Gvern tal-Korea t’Isfel irrappurtaw ‘il-qtil ta’ Kim Jong-nam’ lill-entitajiet tal-istampa u fejn, skont it-TV Chosun, Kim Jong Nam spiċċa vittma ta’ kumplott kontra ħajtu fl-ajruport ta’ Kuala Lumpur. Ir-rapporti li qed jibbażaw fuq is-sorsi tal-Korea t’Isfel sostnew ukoll li l-vittma spiċċa vvelenat, fl-ajruport, minn żewġ nisa li setgħu kienu aġenti tal-Korea ta’ Fuq komunista.