Internazzjonali

Kundannata l-aħħar prova ta’ missila mill-Korea ta’ Fuq

L-uffiċjali tad-difiża mill-Istati Uniti, il-Korea t’Isfel u l-Ġappun impenjaw ruħhom għal skambju akbar ta’ informazzjoni sigrieta, ftit sigħat wara li l-Korea ta’ Fuq komunista wettqet prova oħra pprojbita ta’ missila ballistika.

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi, l-Istati Uniti enfasizzat mill-ġdid l-impenn għas-sigurtà tal-Korea t’Isfel u l-Ġappun li huma l-akbar żewġ alleati ta’ Washington fl-Asja. Dan ukoll waqt li n-Nazzjonijiet Uniti ma tilfitx żmien biex tikkundanna lill-Korea ta’ Fuq li hi pprojbita minn kwalunkwe provi tat-teknoloġija nukleari jew missilistika.

Il-Korea ta’ Fuq ġarrbet diġà ħames pakketti ta’ sanzjonijiet min-Nazzjonijiet Uniti mindu r-reġim fi Pyongyang kien wettaq l-ewwel prova nukleari fl-2006.

Fl-aħħar sigħat, l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel sejħu għal laqgħa ta’ emerġenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li min-naħa tiegħu fisser l-aħħar azzjoni mill-Korea ta’ Fuq bħala abbuż gravi tar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.

Kelliema għall-Kunsill, filwaqt li kkundannaw l-attivitajiet missilistiċi tal-Korea ta’ Fuq, ħeġġew ukoll lill-pajjiżi-membri ( tal-Kunsill) biex ‘jirduppjaw l-impenji’ għall-infurzar ta’ sanzjonijiet oħrajn fuq ir-reġim ta’ Pyongyang.