Internazzjonali

L-Istati Uniti: Jirriżenja minn Konsulent dwar is-Sigurtà

Michael Flynn irriżenja minn Konsulent Nazzjonali (Amerikan) dwar is-Sigurtà b’konnessjoni ma’ allegazzjonijiet li hu ddiskuta sanzjonjiet tal-Istati Uniti flimkien ma’ rappreżentant tar-Russja, qabel il-poter laħaq għadda f’idejn il-President Amerikan attwali, Donald Trump.

Il-Ġeneral Joseph Kellogg inħatar minflok Flynn għal żmien temporanju.

Qed jingħad li Flynn, is-sena l-oħra, qarraq u ‘informa ħażin’ lill-uffiċjali tal-Gvern Amerikan rigward il-kuntatti li kellu mal-Ambaxxatur tar-Russja, qabel hu kien ikkonfermat bħala Konsulent tas-Sigurtà.

Hu illegali li ċittadini privati jmexxu d-diplomazija f’isem l-Istati Uniti. Fl-istess ħin, qed ikun rappurtat li l-White House ta’ Washington kien imwissi, proprju x-xahar li għadda, dwar dawk il-kuntatti polemikużi. L-uffiċjali tal-White House anki kienu infurmati li Flynn ‘seta spiċċa vulnerabbli għar-rikatt tar-Russi’ fiċ-ċirkustanzi.

Il-Konsulent dwar is-Sigurtà Nazzjonali jinħatar mill-President tal-Istati Uniti biex jaġġornah dwar affarijiet konnessi mad-Difiża u l-Affarijiet Internazzjonali.