Id-deċiżjonijiet li qed jieħdu Keith Schembri, Konrad Mizzi, Brian Tonna u Karl Cini huma deċiżjonijiet li hu responsabbli għalihom Joseph Muscat.
Saħaq dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija fejn sostna li sa issa, Brian Tonna u Karl Cini – it-tnejn li huma viċini ferm ta’ Joseph Muscat, tant li wieħed minnhom għandu uffiċċju f’Kastilja – rrifjutaw li jiltaqgħu mal-Kumitat tal-Parlament Ewropew li se jiġi f’Malta nhar it-Tnejn biex jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers.
Minn naħa l-oħra, Keith Schembri u Konrad Mizzi għadhom qed itellgħu u jniżżlu, tant li għadhom ma taw ebda risposta dwar x’se jagħmlu.
Id-deċiżjoni ta’ Brian Tonna u Karl Cini li ma jidhrux quddiem il-Kumitat Parlamentari hi konferma ta’ kemm għandhom x’jaħbu, u dan minkejja li huma għandhom f’idejhom l-informazzjoni kollha dwar it-tliet kumpaniji sigrieti fil-Panama: dik ta’ Konrad Mizzi, dik ta’ Keith Schembri, u dik ta’ individwu li ismu tant kemm kien importanti li ma ntbgħatx b’email, iżda bi Skype.
Il-Partit Nazzjonalista qal illi kieku Muscat m’għandux faħam miblul, żewġ deċiżjonijiet messu ħa: l-ewwel li jkeċċi lil dawn l-individwi wara li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom ipoġġu miljun ewro fis-sena ġejjin mill-commissions, u t-tieni li jidhru quddiem il-Kumitat tal-Parlament Ewropew biex iwieġbu l-mistoqsijiet kollha li jsirulhom. Pero’ Muscat hu dgħajjef wisq biex jieħu d-deċiżjonijiet li suppost jieħu Prim Ministru serju.
Ir-responsabbiltà għal dawn id-deċiżjonijiet u għal għemil dawn l-erba’ individwi hi ta’ Joseph Muscat, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>