Lokali

“Għall-Gvern, it-trasparenza hi sewda bħal kif tgħattew il-kuntratti” – Simon Busuttil

Għall-Gvern ta’ Joseph Muscat, it-trsparenza hi sewda, għax wara li ħalla lill-poplu jistenna għal sentejn sħaħ biex ippubblika l-kuntratt tal-bejgħ tal-power station liċ-Ċiniżi, l-iktar dettalji importanti ħbihom taħt marki suwed.

Fil-fatt matul il-ġurnata tal-Erbgħa il-Gvern ippublika aktar kuntratti b’rabta ma’ Delimara 3 li iżda wkoll ġew iċċensurati u fid-dokumenti hemm paġni sħaħ mgħottija bl-iswed.

Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil l-għada li ġie ppubblikat dan il-kuntratt li ma jagħti xejn mid-dettalji importanti. Fi kliem Simon Busuttil, dan hu riflessjoni tal-mod li bih jimxi l-Gvern Laburista, li kiser il-wegħdiet mal-poplu u għalaq deals bil-moħbi għal tliet snin sħaħ.

Il-kuntratt tal-power station, bid-dettalji mgħottija bl-iswed mhux uniku waqt li hemm kuntratti oħra ta’ importanza nazzjonali li baqgħu qatt ma ġew ippubblikati, minkejja l-wegħdiet ta’ Joseph Muscat.