Il-klabbs sportivi u soċjali f’pajjiżna qed jagħmlu ħidma importanti ħafna u għalhekk Gvern Nazzjonalista jkun qed jappoġġjahhom, fost l-oħrajn billi jiżgura li ma jibqgħux iħallsu rati kummerċjali għall-enerġija.
Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel fl-uffiċċji tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol fejn kellu l-opportunità li jltaqa’ mal-ħaddiema u jara l-ħidma li ssir mil-kwartieri tal-assoċjazzjoni f’Ta’ Qali.
Simon Busuttil qal li rati kummerċjali fuq entitajiet bħall-klabbs tal-futbol li jagħtu kontribut kbir liż-żgħażagħ f’pajjiżna qed iwasslu għal piż qawwi li jiżdied mad-diffikultajiet li dawn jaffaċċjaw.
Waqt li ltaqa’ mal-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo, Simon Busuttil faħħru għall-ħidma tal-MFA biex tiġġieled il-korruzzjoni fl-MFA. Wiegħed l-appoġġ kollu tal-Partit Nazzjonalista f’kul inizjattiva kontra l-korruzzjoni.
Min-naħa tiegħu Norman Darmanin Demajo irringrazzjah tal-fiduċja u appella biex ma jkunx hemm diviżjoni politika fejn jidħol il-futbol u l-isport lokali.
Simon Busuttil kien akkumpanjat mill-Kelliem għaż-Żgħażagħ u l-Isport David Agius kif ukoll il-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Raymond Caruana, Graziella Galea u Graziella Schembri Attard Previ.
Kellu l-opportunità wkoll li jara l-proġetti li għaddejjin bħalissa fil-Millenium Stand, inkluż il-ħolqien ta’ kunċett ġdid bl-introduzzjoni tal-Hospitality Lounge bl-għan li jiġu attirati l-familji lejn il-grawnd.
Se jinħoloq ukoll mużew tal-istorja tal-futbol lokali u ħanut għal prodotti uffiċjali.
//= $special ?>