Internazzjonali

Emerġenza ta’ nirien fi New Zealand

Mijiet ta’ familji spiċċaw evakwati minn djarhom fil-belt ta’ Christchurch, fi New Zealand. Dan meta kienu qed jaqbdu nirien kważi inkontrollabbli qalb l-aħrax fil-madwar.

Sadanittant, numru ta’ djar inqerdu għal kollox mill-fjammi, fost rapporti li pilota ta’ ħelikopter tilef ħajtu meta ġġarraf fost l-isforzi tal-awtoritajiet biex jikkumbattu lin-nirien.

Fl-aħħar sigħat kien iddikjarat stat ta’ emerġenza fiz-zona ta’ Christchurch u fid-Distrett ta’ Selwyn, viċin tagħha. Dan waqt li l-militar ta’ New Zealand ħareġ jgħin lill-iskwadri għal kontra n-nirien biex irażżnu l-periklu għar-residenti.

Filwaqt li mhux ċar x’seta’ kkaġuna n-nirien madwar Christchurch, il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Bill English, irrefera għal ‘ċirkustanzi suspettużi’ waqt sostna li għaddejjin l-investigazzjonijiet relatati.