Lokali

FILMAT: Muscat jgħid li ma ta struzzjonijiet “lil ħadd” biex imorru jixhdu dwar l-iskandlu tal-Panama

Muscat jgħid li hija "illużjoni" li l-kumpanija sigrieta 'Egrant' hija tiegħu

Wara li ż-żewġ persuni li jafu ta’ min hi l-kumpanija sigrieta ‘Egrant’ irrifjutaw li jmorru jixhdu dwar dan l-iskandlu, issa jirriżulta li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma ta struzzjonijiet “lil ħadd” biex imorru jixhdu.

Muscat kien mistoqsi minn NET News għaliex ma tax struzzjonijiet lil Karl Cini u lil Brian Tonna ta’ Nexia BT biex imorru jixhdu quddiem il-kumitat ‘Pana’ fil-Parlament Ewropew, liema kumitat qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama. “Jien ma tajt struzzjonijiet lil ħadd biex jagħmel xejn; ma nagħtix struzzjonijiet lil kumpaniji indipendenti” qal il-Prim Ministru.

Minkejja li ddeskriva lil Nexia BT bħala “kumpaniji indipendenti”, sal-lum għadhom qatt ma ġew miċħuda rapporti li Brian Tonna, wieħed mis-sidien ta’ Nexia BT, jopera saħansitra minn Kastilja stess. Nexia BT u l-uffiċjali tagħha Brian Tonna u Karl Cini kienu ż-żewġ persuni li fetħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi, taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u tas-sid tat-tielet kumpanija ‘Egrant’, li sa issa għad mhux magħruf ta’ min hi.

Mistoqsi speċifikament dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri, li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama, il-Prim Ministru baqa’ ma qalx jekk dawn hux se jmorru jixhdu, imma qal li Konrad Mizzi jaf kif il-Prim Ministru tiegħu jaħsibha. “Id-deċiżjoni li jieħdu Keith Schembri u Konrad Mizzi se tkun ikkomunikata lill-Kumitat fis-sigħat li ġejjin, u tista’ tkun imħabbra pubblikament ukoll” qal il-Prim Ministru, li żied li bħala politiku, hu jemmen li meta politiku ieħor ikun imsejjaħ biex jagħti l-verżjonijiet tiegħu, dan għandu jmur.

Imma NET News staqsa lill-Prim Ministru jekk hux se jkun qed jagħti struzzjonijiet lil Konrad Mizzi biex imur jixhed. “Irrispettivament minn x’taħseb li għandhom jagħmlu l-politiċi b’mod ġenerali, se tgħidlu biex imur jixhed lil Konrad Mizzi?” staqsa dan il-ġurnal. Bil-Prim Ministru jwieġeb li Konrad Mizzi “jaf kif jaħsibha l-Prim Ministru”, risposta li ħafna kienet interpretata bħala djufija tal-Prim Ministru Joseph Muscat quddiem il-korruzzjoni f’Kastilja.

Muscat jgħid li l-possibiltà li ‘Egrant’ tiegħu hi “illużjoni”

Karl Cini u Brian Tonna ta’ Nexia BT jafu kollox dwar il-kumpaniji sigrieti li nfetħu fil-Panama, fosthom it-tielet kumpanija Egrant. L-istess persuni fetħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama tal-id il-leminija u l-id ix-xellugija ta’ Muscat. Għaldaqstant ma setax jonqos li Muscat ikun mistoqsi dwar il-kumpanija ‘Egrant’.

Imma minkejja li Brian Tonna allegatament jopera minn Kastilja stess, Muscat iddeskriva l-possibiltà kbira li l-kumpanija sigrieta hija tiegħu bħala “illużjoni”. “Nittama li l-Kap tal-Oppożizzjoni jġib prova waħda li hi waħda li l-kumpanija ‘Egrant’ hija tiegħi kif jagħti l-illużjoni li hi” temm jgħid il-Prim Ministru.