L-idea mbażwra ta’ demokrazija tal-Gvern Joseph Muscat kompliet tinkixef dalgħodu fil-Qorti, meta ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri pretenda li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jiddefendi lilu nnifsu minn akkuża bla ma jaf l-akkuża x’inhi, saħaq dan il-Partit Nazzjonalista.
Ftit wara li nqabad fil-fatt li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama biex fiha jpoġġi miljun ewro fis-sena ġejjin mill-commissions, Keith Schembri kien fetaħ libell kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Iżda sena wara, Keith Schembri għadu ma qalx fil-Qorti liema parti tad-diskors ta’ Simon Busuttil ħass li kien malafamanti u li dwaru fetaħ il-libell.
Meta kompliet tinstema’ l-kawża fil-Qorti dalgħodu, l-avukat ta’ Schembri pretenda li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jiddefendi ruħu fil-libell ta’ Schembri mingħajr ma Schembri spjega biex ħassu defamat.
F’digriet li tat, il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Schembri u qalet li Keith Schembri ma jistax jippretendi li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jiddefendi ruħu qabel ma jkun jaf x’inhi l-akkuża li qed issir.
F’reazzjoni għall-media, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li dak li ġara dalgħodu fil-Qorti juri kemm taħt Joseph Muscat lanqas l-idea bażika li akkużat ikun jaf biex inhu akkużat m’għadha tgħodd.
It-tħeddida għal-libertà u d-demokrazija issa bdiet tidher anki fil-Qrati. Huwa għalhekk li nhar il-Ħadd kull min hu ta’ rieda tajba se joħroġ fit-toroq tal-Belt biex jiddefendi d-demokrazija u l-libertà, qal Simon Busuttil.
//= $special ?>