Internazzjonali

Imħeġġeġ kompromess ta’ malajr dwar id-dejn tal-Greċja

L-Uffiċjal Ewlieni (Kummissarju) tal-UE għall-Ekonomija, Pierre Moscovici, ħeġġeġ lill-Greċja u lill-kredituri tagħha biex jippruvaw jilħqu kompromess dwar it-termini għall-bailout tal-Griegi ‘fi kwistjoni ta’ ġranet’.

Moscovici, li hu eks-Ministru Franċiż għall-Finanzi, tkellem waqt żjara f’Ateni intiża biex tħoll l-istaġnar bejn il-Greċja u l-kredituri ewlenin tagħha – f’dan il-każ iz-zona ewro u l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).

Dan meta l-istaġnar inkwistjoni qed iqajjem inkwiet dwar kriżi tad-dejn ġdida.

Iż-żjara ta’ Moscovici f’Ateni saret ħamest ijiem qabel laqgħa għall-Ministri taz-zona ewro li titqies bħala deadline mhux uffiċjali għat-tmiem tal-istaġnar qabel isiru diversi elezzjonijiet importanti fl-Ewropa.

Qabel il-laqgħat mal-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras u l-Ministru tal-Finanzi tal-Greċja, Euclid Tsakalotos, Moscovici semma l-ħtieġa li ‘t-taħditiet kollha jkunu konklużi’ f’dawn il-jiem importanti.

Il-Kummissarju aċċenna wkoll ‘għall-parametri fuq il-mejda li kulħadd jaf dwarhom’ filwaqt li insista li jinsab fiduċjuż dwar il-progress lejn ftehim ‘jekk kemm il-darba jsiru l-isforzi min-naħat kollha konċernati’.