L-Iżvizzera qed tinbidel f’rotta ‘aktar frekwentata’ mill-immigranti li jridu jaslu fl-Ewropa ta’ fuq, meta l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qegħdin jimponu sistemi interni biex jikkontrollaw il-movimenti ta’ dawk il-barranin.
Dan qed iseħħ skont il-kelliema tal-Frontex, l-aġenzija tal-UE għall-ħarsien tal-fruntieri, b’rapport isostni li l-immigranti Afrikani li qed jaslu l-Italja mil-Libja ‘qegħdin jevitaw lill-Awstrija u, minflok, qed jidħlu fl-Iżvizzera bit-tama li jaslu fil-pajjiżi tal-Unjoni lejn it-Tramuntana’.
Ir-rapport tal-Frontex kompla li ‘in-numri tal-immiganti illegali mill-Afrika li, primarjament, daħlu fl-artijiet tal-UE mir-rotta ċentrali tal-Mediterran naqsu b’mod sinifikattiv fl-Awstrija, waqt li, fl-istess ħin, żdiedu fl-Iżvizzera’.
Sadattant, anqas immigranti qegħdin jidħlu fil-Ġermanja mill-Awstrija, meta fl-aħħar jiem kien hemm ukoll ‘aktar indikazzjonijiet’ ta’ immigranti mal-fruntiera tal-Iżvizzera.
L-Awstrija, matul is-sajf, kienet imponiet sistemi ta’ moniteraġġ addizzjonali madwar il-fruntiera (komuni) mal-Italja. Dan waqt li l-awtoritajiet Awstrijaċi heddew li jagħlqu l-fruntiera fl-inħawi tal-Aċċess ta’ Brenner, bl-immigranti li jinqabdu fiz-zona (tal-fruntiera) jintbagħtu lura lejn l-Italja.
Il-politika tal-Awstrijaċi tidher li ‘dawwret il-movimenti tal-immigranti lejn bnadi oħra’, bl-immigranti qegħdin ifittxu rotot alternattivi bħala parti mill-pjan biex huma jaslu fid-destinazzjonijiet finali tagħhom, fit-Tramuntana tal-Ewropa.
//= $special ?>