Internazzjonali

Ultimatum lin-NATO biex tonfoq aktar fuq id-difiża

Is-Segretarju għad-Difiża Amerikan, Jim Mattis, ħareġ ultimatum lill-pajjiżi alleati tan-North Atlantic Treaty Organization (NATO), fejn wissa li ‘l-Istati Uniti tista’ tibdel ir-relazzjoni magħhom (il-pajjiżi)’ jekk huma ma jżidux in-nefqa fuq id-difiża skont il-miri tal-alleanza.

Mattis qal li xieraq li hu jispjega r-realtà politika fl-Istati Uniti waqt li jelenka, f’termini konkreti, ‘id-domandi xierqa tal-poplu Amerikan’. Hu enfasizza li l-Istati Uniti se tilqa’ ir-responsabbiltajiet tagħha, iżda għamilha ċara li l-alleati jeħtieġu juru tassew appoġġ għad-difiża komuni ‘jekk ma jridux li l-Amerikani jimmoderaw l-impenji tagħhom għall-Alleanza tan-NATO’.

Mattis ħareġ bil-kummenti waqt laqgħa mal-Ministri tad-Difiża ta’ pajjiżi oħrajn tan-NATO li saret wara bibien magħluqa. Fl-istess ħin, l-atteġġjament tas-Segretarju tad-Difiża Amerikan tenfasizza l-frustrazzjoni ta’ Washington għall-fatt li ħafna pajjiżi tan-NATO ma jonfqux imqar 2 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) fuq id-difiża bħalma kienu wiegħdu.

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kemm il-darba sostna dan il-punt waqt il-kampanja (elettorali) għall-White House fejn, fost oħrajn, irrefera għan-NATO bħala ‘alleanza li spiċċalha żmienha’. Fl-istess ħin, Trump irrepeta kemm il-darba li t-28 Stati-membri tal-Alleanza ‘jeħtieġu jaqsmu l-piż tal-finanzjament għall-impenji tad-difiża’.

Min-naħa tiegħu, Mattis, eks-Ġeneral tal-morini, qal li l-Amerikani li qed iħallsu t-taxxa ma jistgħux iġorru aktar parti disproporzjonata tad-difiża tal-valuri tal-Punent. Hu kompla li ‘nuqqas ta’ attenzjoni għall-preparazzjonijiet militari xierqa juri nuqqas ta’ rispett għall-pajjiżi inkwistjoni, kif ukoll għall-Alleanza u l-libertajiet li wiritna….l-istess libertajiet li llum jinsabu taħt theddida’.

Fil-preżent huma biss ħamsa fost it-28 pajjiżi tan-NATO li qed jonfqu, almenu, tnejn fil-mija fuq id-Difiża u li huma l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Estonja, il-Polonja u l-Greċja.

Membri ewlenin oħrajn tal-Alleanza li jonfqu anqas (skont ċifri tan-NATO) jinkludu Franza (b’nefqa ta’ 1.78 fil-mija); it-Turkija (b’1.56 fil-mija); il-Ġermanja (b’1.19 fil-mija); l-Italja (b’1.11 fil-mija) u l-Kanada (b’0.99 fil-mija). Oħrajn wiegħdu li jonfqu l-ammont mitlub iżda mhux qabel l-2024.