L-eks-Prim Ministru Britanniku, Tony Blair, qed jinsisti li hi ‘il-missjoni tiegħu’ biex jipperswadi lill-poplu tar-Renju Unit ħalli ‘iqum u jibdel l-ħsieb’ dwar il-proċess (tal-Brexit) biex pajjiżu joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Meta tkellem fis-City of London, li hu ċ-ċentru finanzjarju tal-kapitali Britannika, Blair sostna li n-nies ivvutaw fir-referendum ‘mingħajr ma kienu jafu l-vera termini tal-Brexit’.
Hu fl-istess ħin ħeġġeġ biex il-Britanniċi ‘iżommu lura minn dak li qed jidher bħala salt minn fuq l-irdum’. Dan meta l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, trid tattiva t-taħditiet għall-Brexit sal-aħħar ta’ Marzu, b’dan il-pass jingħata diġà l-appoġġ tad-deputati fil-House of Commons (Parlament) ta’ Londra.
Tony Blair, li kien il-Prim Ministru tar-Renju Unit bejn l-1997 u l-2007, għadda dawn il-kummenti waqt diskors lill-grupp Open Britain, li qed imexxi kampanja favur l-Ewropa.
Blair, fost oħrajn, qal li l-impatt tal-ħruġ mill-Unjoni Ewropea ‘se jkun ħażin għar-Renju Unit, ħażin għall-Ewropa u ħażin għad-dinja.’
Sadanittant, l-eks Kap Laburista, qal ċar u tond li l-fatt li l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni qed jonqos dejjem aktar bħala forza politika fil-pajjiż iffaċilita t-triq għall-Brexit.
Filwaqt li hu jaċċetta li 52 fil-mija tal-Britanniċi vvutaw biex joħorġu mill-Unjoni (kontra 48 fil-mija) Tony Blair qed jirrakkmanda xorta biex il-poplu jħares mill-ġdid lejn il-Brexit ‘ladarba jkollu idea ċara tad-direzzjoni li jrid jaqbad.’
Mistoqsi jekk jaħsibx li għandu jsir t-tieni referendum dwar il-Brexit, Tony Blair wieġeb li dan għadu biss il-bidu tad-dibattitu. Hu kompla li f’każ li numru sinifikanti fost it-52 fil-mija li vvutaw favur il-Brexit juru li tassew reġa’ bdielhom, huma għandhom ikollhom l-opportunità biex jerġgħu jikkunsidraw id-deċiżjoni.
//= $special ?>