Lokali Qorti

Ħames snin ħabs wara li tajret żewġ anzjani fl-2011

Dorianne Camilleri ta’ 34 sena ġiet ikkundannata ħames snin ħabs wara li nstabet ħatja li tajret żewġt aħwa anzjani li rriżultat fi qtiel involontarju ta’ wieħed minnhom, Alfred Zahra mill-Imsida. Apparti minn hekk, hi nstabet ħatja li kkawżat ġrieħi gravi fuq oħtu Carmela Zahra.

L-inċident seħħ f’Mejju tal-2011 f’Ħ’Attard meta Camilleri kienet qed issuq lura d-dar wara x-xogħol. L-unika xhud f’dan il-każ kienet l-akkużata stess peress li l-anzjan miet wara jumejn mill-inċident u l-anzjana ma tiftakarx x’ġara eżatt. Għalkemm il-Qorti ma emmnitx li l-mara kienet qed issuq b’veloċità baxxa, il-Qorti qablet li l-anzjani ma qasmux minn post addattat.

Apparti s-sentenza ta’ priġunerija, il-Qorti ordnat ukoll li tittieħed il-liċenjza tas-sewqan ta’ Dorianne Camilleri u ordnat ħlas ta’ €2,400 fi spejjeż tal-Qorti.