Il-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS, Reno Bugeja, iddefenda l-indħil fil-PBS u ġġustifika l-manipulazzjoni tal-aħbarijiet ta’ nhar il-Ħadd li għadda, manipulazzjoni li wasslet biex inbidel servizz tal-aħbarijiet.
NET News żvela li fuq struzzjonijiet ta’ membru tal-bord tal-PBS, inbidel servizz tal-aħbarijiet biex jidhru n-nies li nġabru barra l-każin Laburista ta’ Raħal Ġdid, waqt li ma sarx l-istess fil-konfront tal-folol ferm akbar li attendew għall-attività tal-Partit Nazzjonalista f’Tas-Sliema.
Aktar: Manipulazzjoni ukoll fil-filmati tal-aħbarijiet tal-PBS
Imma ffaċċjat b’mistoqsijiet b’dan il-każ mill-preżentatur David Thake waqt il-programm fuq Radio 101 ‘Tagħna Lkoll’, il-Kap tal-Aħbarijiet Reno Bugeja ddefenda din il-manipulazzjoni.
“Jiena obbligat li kemm jista’ jkun nirrifletti dak li jkun hemm” qal Reno Bugeja, filwaqt żied li d-deċiżjoni kienet tiegħu. Imma In-Nazzjon ilbieraħ żvela li kien membru tal-bord tal-PBS li ta struzzjonijiet biex ikun hemm din il-manipulazzjoni. “(Id-deċiżjoni) ħadtha minn jeddi għax jien l-editur, jien responsabbli” żied jgħid Reno Bugeja. Irrimarka ma’ David Thake wkoll li l-cameras dejjem iġibu l-azzjonijiet li jkun hemm.
Intant, dwar dan il-każ ta’ ndħil fil-PBS, tkellem il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Komunikazzjoni, Clyde Puli li rrefera għal dan l-indħil. “Il-filmat tal-PBS ma kienx jidħol kexxun fil-propaganda tal-Gvern u allura kellhom bżonn il-filmati tal-kamra tal-aħbarijiet Laburista”, innota Clyde Puli waqt konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ. Clyde Puli irrefera għas-sensiela ta’ każi ta’ ndħil mill-Gvern fil-PBS li qed jheddu d-demokrazija fil-pajjiż.
Dan il-każ m’huwiex l-ewwel każ ta’ manipulazzjoni u ndħil fl-istazzjon nazzjonali.
//= $special ?>