Lokali

“Il-logħob ta’ Joseph Muscat spiċċa żmienu” – PN

Keith Schembri, Joseph Muscat u Konrad Mizzi

“Iż-żmien tal-logħob spiċċa u jekk il-Prim Ministru jaħseb li n-nies se jaċċettaw il-logħba noli li qed jilgħab dwar l-iskandlu tal-Panama, qed jiżbalja”, dan qalu fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista jgħid li li Konrad Mizzi jidher quddiem il-Parlament Ewropew mhux biżżejjed u ħadd mhu se jimpressjona ruħu. Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu, b’mod immedjat, jordna liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri kif ukoll lil Brian Tonna u lil Karl Cini biex jaċċettaw l-istedina tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Panama Papers u jagħtu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsirulhom.

Brian Tonna u Karl Cini jafu ta’ min hi t-tielet kumpanija, Egrant, u għaldaqstant ma jistgħux ma jidhrux quddiem il-Kumitat.

Minn-naħa tiegħu Konrad Mizzi għandu jwieġeb għal għemilu u mhux idur bil-kliem kif għamel fi Brussell. Għandu jgħid ċar jekk il-kumpanija tiegħu għadhiex miftuħa u minn fejn kien se jġib miljun ewro f’commissions fis-sena. Konrad Mizzi għandu jgħid ukoll jekk għandux kumpaniji jew kontijiet oħra f’pajjiżi oħra apparti l-Panama.

Il-poplu Malti u Għawdxi kollu qed jistenna li l-klikka ta’ Joseph Muscat tagħti rendikont ta’ għemilha quddiem il-Kumitat tal-Parlament Ewropew nhar it-Tnejn. Jekk jonqsu milli jagħmlu dan, se jkun il-poplu Malti li jagħti l-ġudizzju tiegħu fl-elezzjoni ġenerali.