Il-Pulizija fil-Malasja qalet li mgħandhiex tirrilaxxa l-katavru ta’ Kim Jong Nam, li kien ħu l-President tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong Un, qabel tirċievi d-DNA ta’ xi ħadd mill-qraba tal-vittma. Dan bl-iskop li l-awtoritajiet jikkonfermaw l-identità tal-katavru b’mod konklussiv.
Għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar l-omiċidju ta’ Jong Nam, li kien l-akbar fost ulied l-eks Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong-il, li miet fl-2011.
Kim Jong Nam miet nhar it-Tnejn wara li spiċċa aggredit ‘u ivvelenat’ fl-ajruport internazzjonali ta’ Kuala Lumpur. Żewġ suspettati nisa – waħda Indoneżjana u bl-oħra tinsab fil-pussess ta’ dokumenti tal-Vjetnam – qegħdin jinżammu taħt arrest, b’raġel Malasjan ukoll qed jgħin l-istħarriġ tal-pulizija.
Il-Pulizija għadha qed tfittex għal erba’ irġiel li jaħsbu li kienu kompliċi fl-omiċidju ta’ Kim Jong Nam. Dan waqt li l-aġenzija għall-ispjunaġġ tal-Korea t’Isfel infurmat lid-deputati f’Seoul li temmen li Kim Jong Nam inqatel minn aġenti Koreani komunisti li kienu qegħdin jobdu d-direttiva speċifika tal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq innifsu.
//= $special ?>