Internazzjonali

Ma jaċċettax kariga ewlenija għas-sigurtà tal-Istati Uniti

Robert Harward, li hu Viċi-Ammirall irtirat, ma aċċettax l-offerta tal-President tal-Istati Uniti biex jieħu responsabbiltà bħala l-konsulent ġdid dwar is-sigurtà nazzjonali.

Harward għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara, sigħat wara li l-President Amerikan, Donald Trump, kien ċaħad rapporti dwar ‘problemi fil-White House’ fejn insista li l-amministrazzjoni tiegħu ‘miexja sew mal-programmi stabbiliti’.

Harward, li għandu 60 sena u li hu wkoll eks-membru tan-Navy Seals, kien ‘favorit kbir’ li jilħaq fil-kariga ewlenija għall-ħarsien tas-sigurtà wara t-tkeċċija, nhar it-Tnejn, ta’ Michael Flynn wara li provda lill-Viċi-President Amerikan, Mike Pence, b’informazzjoni ħażina rigward taħditiet li hu kellu mal-Ambaxxatur Russu għall-Istati Uniti.

B’hekk, l-Istati Uniti għadha tistenna konferma tal-uffiċjal ġdid għas-sigurtà nazzjonali, b’Uffiċjali fil-White House jgħidu li Harward ma setax jaċċetta r-responsabbiltà ġdida minħabba impenji finanzjarji u tal-familja. Madankollu, l-istampa Amerikana rreaġiet għal dan u qalet li l-vera problema kienet l-insistenza ta’ Harward biex jaħdem biss mal-persuni magħżulin li ried hu.