Lokali Qorti

Ħati ta’ misappropjazzjoni… imma illiberat għax “għandu futur sabiħ quddiemu”

Il-Qorti fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta

Żagħżugħ ta’ 23 sena nstab ħati mill-Qorti li żamm għalih flus li suppost kienu dovuti għall-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta. Il-Qorti sabet lill-eks-impjegat tal-Kunsill Malcolm Bezzina ħati ta’ misappropjazzjoni, imma issospendietlu s-sentenza għal sitt xhur peress li kellu kondotta nadifa u peress li għandu futur sabiħ quddiemu.

Il-każ imur lura għal Settembru 2015 meta persuna li xtaq ikun eżentat mis-CVA mar iħallas permess apposta b’ċekk ta’ €350. Imma l-eks-impjegat tal-Kunsill, Malcolm Bezzina, minflok ta l-flus lill-Kunsill Lokali, mar isarraf iċ-ċekk u żamm il-flus għalih. Peress li l-flus tal-permess qatt ma waslu għand il-Kunsill Lokali, il-vittma kellu jerġa’ jħallas għall-permess, u dan kien wassal biex qam is-suspett li l-flus li kien ħallas oriġinarjament kienu ġew misappropjati.

Fis-sentenza mill-Maġistrat Joe Mifsud, il-Qorti kkonkludiet li ż-żagħżugħ, konxjament u b’intenzjoni, kien żamm flus li ma kinux tiegħu. Espert tal-Qorti sab ukoll li ż-żagħżugħ kien kiteb ismu fuq iċ-ċekk biex ikun jista’ jsarrfu, tant li l-kitba fuq iċ-ċekk kienet taqbel ma’ kampjuni tal-kaligrafija tal-akkużat.

Iż-żagħżugħ kien akkużat ukoll bi frodi, iżda l-Qorti sabet li ma kienx hemm l-elementi kollha biex jinstab ħati fuq hekk. Imma filwaqt li l-Qorti sabet liż-żagħżugħ ħati ta’ misappropjazzjoni, il-Qorti qalet li l-iżball li wettaq m’għandux itellfu milli jkollu impjieg tajjeb fil-preżent u l-futur, u għaldaqstant illiberatu bil-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor fi żmien sitt xhur.