Filwaqt li l-Forum Żgħażagħ Laburisti nkwetat “bid-diversi kummenti li qed jiċċirkolaw fuq il-mezzi tal-media soċjali”, l-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista hu ferm aktar inkwetat bil-liġi li qed jiproponi l-Gvern u li, kif spjegat l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Liġi tal-IT (il-MITLA), hi theddida għal-libertà tal-espressjoni.
Filwaqt li l-MŻPN jilqa’ l-fatt li se jkunu qed jitneħħew il-libelli kriminali u l-mandati ta’ sekwestru kontra l-ġurnalisti, hu ta’ tħassib il-fatt li l-Gvern Malti, simili ta’ dak li ġara f’pajjiżi bħall-Iran, ir-Russja u l-Bangladesh, qed jinsisti li l-websites li jinkludu temi kurrenti jkunu jridu jiġu rreġistrati mal-Gvern. Dan hu sentiment ta’ Gvern li kollox ħlief liberali, u li ma jifhimx id-dinja diġitali tal-lum tagħna ż-żgħażagħ.
Il-Partit Nazzjonalista jistieden lill-Forum Żgħażagħ Laburisti biex jinsa l-allejanzi politiċi tiegħu, u flok iġib il-politika l-ewwel u qabel kollox, iġib l-interessi taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Iż-żgħażagħ ta’ pajjiżna mhux politika ta’ aħmar u blu jridu, iżda drittijiet u soċjetà demokratika mibnija fuq il-libertà.
Għalhekk, iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, li għandhom għal qalbhom il-libertà tal-espressjoni, u li mhux lesti jħallu lil ħadd jgħalqilhom ħalqhom, se jkunu qed jattendu għad-dimostrazzjoni nazzjonali għad-demokrazija u l-libertà għada waranofsinhar fil-Belt Valletta.
//= $special ?>

