Lokali

Liġi li thedded l-libertà tal-kelma ħielsa, fosthom dik ta’ fuq l-internet

Il-proposta tal-Gvern għal liġi ġdida dwar l-istampa thedded b’mod perikoluż ħafna d-dritt kruċjali u bażiku tal-kelma ħielsa, thedded id-drittijiet tal-ġurnalisti u thedded l-eżistenza nnifisha tal-midja indipendenti meta l-Gvern qed jeħodha saħansitra kontra l-internet.

Hu ċar li l-Gvern qabdu paniku bil-kxif kontinwu tal-korruzzjoni u l-gideb tiegħu u, f’dan il-paniku, ħareġ kemm hu awtokratiku u ipokrita meta qed jhedded lill-midja ħielsa li dmirha hu proprju li tikxef l-abbuż ta’ min ikollu l-poter.

Dan qalu l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-Membru tal-Parlament Ewropew u Shadow Minister tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia u l-Kelliem għax-Xandir, il-Komunikazzjoni u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli.

Aħna ma naqblux li l-internet għandu jew jista’ jiġi kontrollat

Dan l-abbozz qiegħed jintroduċi r-reġistrazzjoni ta’ siti elettroniċi, lil “any web-based news service or other web-based service relating to news or current affairs that operates from Malta or in respect of which editorial decisions are taken in Malta”. Mario de Marco qal li din tfisser li sit elettroniku li għandu element ġurnalistiku irid jirreġistra mal-Gvern. “Għaliex din ir-reġistrazzjoni?” staqsa Mario de Marco.

Din l-idea awtokratika tmur kontra l-prinċipju nnifsu tal-internet li mhuwiex ta’ xi Gvern, u wisq anqas tal-Gvern Malti, anzi hu sur dinji tal-libertà. Il-fatt li l-Gvern irid lil min jikkummenta fuq l-internet jirreġistra miegħu hu insult għal-libertà u d-drittijiet l-aktar bażiċi, qal Mario de Marco. Hu sostna li din il-miżura rigressiva tikkopja dak li diġà għamlu pajjiżi bħaċ-Ċina, r-Russja u l-Bangladesh, li qed jippruvaw iwaqqfu l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni miċ-ċittadini biex din it-teknoloġija jkunu jistgħu jużawha biss gvernijiet awtokratiċi ħalli jżidu l-poter tagħhom fuq in-nies.

Hu rrefera għall-istqarrija tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Liġi tal-IT, li kkritikat bl-aħrax dan l-abbozz ta’ liġi, u li hu bla preċedent f’pajjiżi demokratiċi. Il-MITLA qalet li dan l-abbozz ta’ liġi jmur kontra kull prinċipju tal-libertà tal-espressjoni.

Tneħħija tal-Mandati ta’ Sekwestru Kawtelatorji fuq memri tal-midja

Clyde Puli qal li ta’ min jinnota li għalkemm il-provediment tas-sekwestru ilu fil-liġi, qatt ma ntuża minn politiku kontra ġurnalist ħlief f’din il-leġiżlatura. Dan il-fatt ukoll jitfa’ dawl fuq il-kredenzjali demokratiċi ta’ dan il-Gvern, sostna Clyde Puli. Hu sostna li s-sekwestri fuq ġurnalisti jistgħu jintużaw bħala sarima biex tagħlaq ħalq il-ġurnalist u għalhekk għandhom jitneħħew.

Il-Partit Nazzjonalista, filfatt, ressaq abbozz ta’ liġi quddiem il-Parlament nhar it-Tnejn li għadda. Issa, l-Partit Nazzjonalista ma jistax jifhem kif dan il-Gvern, minn naħa qed jgħid li jrid ineħħi dan is-sekwestru imma mbagħad fl-istess ħin, Ministru ewlieni tal-Gvern qiegħed juża din l-arma biex jipprova jagħlaq ħalq minn qiegħed jikxef l-iskandli dwaru. “Din hija inkonsistenza u xiehda ċara ta’ Gvern li quddiem il-prinċipji tad-demokrazija, jitħawwad – Gvern li ma jifhimx li mal-poter jiġi d-dmir li tuża dak il-poter b’għaqal u b’sens ta’ prudenza kbira,” qal Clyde Puli. Hu sostna li biex il-Gvern jibda jittieħed bis-serjetà, għandu b’mod immedjat ineħħi l-mandati ta’ sekwestru li għamel bil-barka tal-Prim Ministru.

L-irduppjar tal-pieni diġà għoljin tal-libell

Clyde Puli qal li fil-liġi li ressaq, il-Gvern qiegħed ukoll jirdoppja f’daqqa waħda l-piena ta’ libell għal 20,000 ewro. Din il-ħaġa ma ntalbet minn ħadd, sostna Clyde Puli.

Illum, il-ġurnalisti kollha qed jaħdmu f’organizzazzjonijiet żgħar – organizzazzjonijiet li qed jiffaċċjaw sfidi kbar minħabba n-natura tas-settur tal-midja – sfidi li qed iwasslu biex jew ma jagħmlu qligħ xejn jew ftit li xejn. Clyde Puli qal li piena rduppjata ta’ 20,000 ewro tfisser theddida għall-eżistenza stess ta’ numru ta’ organizzazzjonijiet tal-midja. Dan meta diġà d-dikjarazzjoni li xi ħadd għamel libell hi minnha nnifisha sanzjoni qawwija.

Hu sostna wkoll li barra minn dan, piena daqstant għolja tħajjar li jsiru aktar kawżi ta’ libell għax min illum jaħsibha darbtejn, issa jieħu ċ-ċans minħabba l-piena qawwija. Tant dan l-irduppjar ma jagħmel l-ebda sens u hu theddida ċara għall-ġurnalisti, li l-Qrati lanqas il-massimu li hemm s’issa għadhom qatt ma taw, qal Clyde Puli.

Clyde Puli qal li f’demokrazija fejn kulħadd għandu aċċess għall-midja online, kemm min hu kritiku akkademiku, kif ukoll kull ċittadin fis-soċjetà, l-liġi kif proposta mill-Gvern qed tintaxxa l-attiviżmu, il-parteċipazzjoni u l-opinjoni politika. Minn naħa l-oħra, l-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-poplu kollu għandu jiġi inċentivat biex ikun attiv fis-soċjetà, u jgħid dak li jħoss u jemmen fih.

Il-kawżi kriminali eżistenti xorta se jibqgħu

Therese Comodini Cachia qalet li theddida oħra għal-libertà tal-kelma u għad-drittijiet tal-ġurnalisti fil-liġi proposta hi l-fatt li l-Gvern se jżomm il-kawżi kriminali għal dawk il-ġurnalisti li diġà xi ħadd ressaq kontrihom libell kriminali. Hi sostniet li din hi kontradizzjoni kostituzzjonali kbira għax ladarba s-soċjetà tkun tħoss li xi att mhux reat, ma tistax fl-istess ħin tgħid li kien u jibqa’ reat.

Hi temmet tgħid li din il-liġi hija knee jerk reaction li flok qed iġib titjib qed tagħti daqqa ta’ sieq lid-dritt tal-espressjoni ħielsa. “Din il-liġi toħroġ biċ-ċar kemm dan il-Gvern għandu problemi bażiċi bid-demokrazija,” qalet Therese Comodini Cachia. Hi qalet li dan il-Gvern iqis il-liġijiet bħala protezzjoni tal-istat u mhux taċ-ċittadin u huwa dan il-ħsieb li joħroġ minn dan l-abbozz. Din il-ligi m’hija xejn hlief tentattativ ieħor mill-Gvern biex kull awtorità jew vuċi fil-pajjiż li tista’ tkun ta’ kontroll fuq il-Gvern tiġi limitata. Illum spiċċajna f’sitwazzjoni fejn awtoritajiet importanti spiċċaw bla vuċi. Il-Gvern issa jrid ineħħi ċkoll il-vuċi tal-istampa. Il-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli li dan isir, temmet tgħid Therese Comodini Cachia.