Lokali

“Proposti biex titrażżan il-libertà tal-midja” – SDM

L-għaqda tal-istudenti SDM ma tistax tibqa’ siekta meta l-Gvern qed jipproponi Liġi li għandha l-għan li tirristrinġi lill-media bl-introduzzjoni ta’ Reġistru għall-Media.

Fi stqarrija, l-SDM qalet li l-Liġi proposta mill-Ministru Owen Bonnici qed tinkludi kull sit fuq l-internet li joffri servizz ta’ aħbarijiet jew servizzi fuq l-internet relatati mal-aħbarijiet u affarijiet kurrenti li joperaw minn Malta, inkella li d-deċiżjonijiet editorjali jittieħdu minn Malta.

Skont il-Liġi proposta, sidien ta’ siti mhux reġistrati jeħlu multa li tista’ tlaħħaq l-1,000 ewro, bl-SDM tgħid li b’dan il-mod, l-awtoritajiet Maltin qed jattakkaw u jimminaw il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja billi jikkontrollaw ukoll kull persuna fil-ġurisdizzjoni Maltija li tixtieq tipprattika d-dritt tal-libertà tal-espressjoni tagħha.

Fl-istess waqt, l-għaqda tal-istudenti laqgħet b’sodisfazzjon il-qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni li wasal iż-żmien li jitneħħa s-sekwestru fuq il-ġurnalisti.