Il-qawwiet tal-Gvern tal-Iraq bdew offensiva kbira biex jaħtfu lura z-zona tal-Punent ta’ Mosul minn idejn it-terroristi tal-ISIS.
L-offensiva, li tħabbret uffiċjament mill-Prim Ministru Iraqi, Haider al-Abadi, bdiet bl-avvanzi, mid-deżert, ta’ mijiet ta’ vetturi militari lejn il-pożizzjonijiet tal-ISIS; bil-qawwiet tal-ajru wkoll isostnu l-attakki intensivi fuq l-inħawi okkupati mit-terroristi.
Ir-rapporti miz-zona tal-ġlied qalu li l-qawwiet Iraqqin ma tilfux iż-żmien biex jieħdu l-kontroll f’numru ta’ villaġġi lejn in-nofsinar ta’ Mosul u minfejn kienu mistennija jikkonċentraw attakki ġodda fuq l-ajruport ta’ din il-belt.
Intant, kien hemm ukoll indikazzjonijiet li l-ISIS ma naqsux mir-reżistenza fanatika, fost inkwiet dwar id-sigurtà ta’ ħafna eluf ta’ ċivili maqbuda f’dil iz-zona ta’ gwerra.
Il-qawwiet tal-Gvern, ix-xahar li għadda, kienu ħatfu l-kontroll tal-inħawi fil-Lvant ta’ Mosul ( l-aħħar fortizza tal-ISIS fl-Iraq) iżda l-uffiċjali militari qegħdin jistennew li z-zona tal-Punent ta’ din il-belt – bit-toroq dojoq u imserrpin tagħha – timponi sfida akbar lill-Armata.
Sadanittant, in-Nazzjonijiet Uniti qed tkompli tesprimi t-tħassib dwar iċ-ċivili maqbudin fiz-zona, fost rapporti li dawn jistgħu jammontaw għal xi 650,000. Kelliema għall-entità karitatevoli, Save the Children, jemmnu wkoll li fost dawn iċ-ċivili hemm sa 350,000 tfal li jinsabu f’sitwazzjoni ferm vulnerabbli.
//= $special ?>