Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, infexx mill-ġdid f’attakk qalil kontra l-media ta’ pajjiżu waqt avveniment fl-Istat ta’ Florida u fejn hu insista li l-membri tal-istampa ‘huma kontra r-rapporti li jirriflettu l-fatti’.
L-avveniment, ippreżentat bħala ‘campaign rally for America’, kien organizzat f’Melbourne u fid-diskors tiegħu, Trump akkuża lill-istampa ‘b’li qed tagħmel li tista’ biex taħbi l-verità’ filwaqt li tippersisti bl-aġenda tagħha. Hu, intant, irrefera għall-ġurnalisti bħala ‘parti mis-sistema korrotta’.
Il-President Amerikan, imbagħad, iddefenda l-kisbiet tal-Presidenza tiegħu sallum filwaqt li insista li, irrispetivament minn dak li qed tgħid l-istampa, ‘qed jinfirex spirtu qawwi ta’ ottimiżmu madwar l-Istati Uniti.’
Madankollu, il-pressjoni qed tiżdied fuq il-Presidenza ta’ Trump li qed iħejji biex jintervista lill-kandidati għar-rwol ta’ Konsulent dwar is-Sigurtà Nazzjonali. Dan wara r-riżenja mill-kariga, jiem ilu, ta’ Michael Flynn wara li kien ippreżenta informazzjoni qarrieqa lill-Gvern ta’ Washington.
Fid-diskors tiegħu fi Florida il-President irrepeta l-wiegħda tal-kampanja elettorali fejn enfasizza l-impenn għas-sigurtà tal-Amerikani u biex ‘l-Istati Uniti jerġa’ ikollha l-fruntieri sodi’.
Hu kompla li l-poplu Amerikan se jgawdi minn ‘pjan mill-aqwa għall-ħarsien tas-saħħa’ u li għandhom jitwarrbu r-riformi li l-eks President Amerikan, Barack Obama, kien implimenta f’dan il-qasam.
Wiegħdi oħra ta’ Trump kienu għat-tnaqqis tal-buropkrazija, il-ħolqien ta’ aktar impjiegi fl-Istati Uniti u għall-bini mill-ġdid tal-militar. Fl-istess ħin, il-President wiegħed l-iżvilupp ta’ pjan li jaċċerta ‘il-qerda totali tat-terroristi tal-ISIS’.
//= $special ?>