Kelliema għall-Korea t’Isfel jemmnu li r-reġim tal-Korea ta’ Fuq komunista kien involut fl-omiċidju ta’ Kim Jong-nam, ħu l-President tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong-un, li, jiem ilu, spiċċa maqtul fl-ajruport internazzjonali ta’Kuala Lumpur, fil-Malasja.
Ir-rappreżentanti tal-Ministeru għall-Unifikazzjoni tal-Korej, f’Seoul, sostnew li r-reġim ta’ Pyongyang kien wara l-qtil ‘ladarba wieħed jikkunsidra li l-ħames suspettati fil-każ ġejjin kollha mill-Korea ta’ Fuq’.
Il-Pulizija Malasjana diġà arrestaw raġel mill-Korea komunista u qalu li qed ifittxu ‘erba’ persuni oħra’ mill-istess pajjiż.
Iżda minkejja l-ispekulazzjoni dwar ‘l-id tal-Korea ta’ Fuq fl-omiċidju’, għad mhemmx il-provi konkreti li r-reġim ta’ Pyongyang kien tassew involut fil-qtil, jew li l-omiċidju seħħ fuq id-direttiva ta’ Kim Jong-un, innifsu. Fl-istess ħin, Pyongyang ma ħareġ bl-ebda kumment pubbliku dwar il-kwistjoni.
Sadanittant, il-Pulizija tal-Malasja qalu li erba’ suspettati mill-Korea ta’ Fuq kienu qabdu ajruplan mill-Malasja fl-istess jum tal-omiċidju ta’ Kim Jong-nam, iżda ma żvelawx id-destinazzjoni tat-titjira. Dan meta l-Pulizija Malasjana qed jaħdmu fuq il-każ flimkien mal-entità globali tal-pulizija, Interpol.
//= $special ?>