Lokali Qorti

13-il xahar ħabs wara li seraq sett tat-televiżjoni

El Amir kien diġa skonta sentenza ta’ sena u nofs ħabs wara li kien instab ħati ta’ traffikar tad-droga ecstasy u kokaina kif ukoll pussess tad-droga kannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kienx għall-użu personali.

Hashim El Amir, ta’ 24 sena, refuġjat mill-Libja kien ikkundannat għal 13-il xahar wara li ta ruħu b’idejh hekk kif spiċċa fil-lista tal-persuni mfittxija mill-Pulizija.

El Amir tressaq il-Qorti akkużat b’serq ta’ sett tat-televiżjoni u attentat ta’ serq aggravat ta’ sett ieħor, it-tnejn li huma mill-lukanda St George’s Park f’Paceville.

Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, l-akkużat wieġeb ħati.  El Amir kien diġa skonta sentenza ta’ sena u nofs ħabs wara li kien instab ħati ta’ traffikar tad-droga ecstasy u kokaina kif ukoll pussess tad-droga kannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kienx għall-użu personali.

Id-difiża talbet sabiex l-akkużat jingħata qrib il-minimu tal-piena għaliex ta ruħu b’idejh u kkopera mal-pulizija. Il-Qorti laqgħet it-talba u kkundannat lil El Amir għal 13-il xahar ħabs li hu l-minimu mitlub mill-liġi skont iċ-ċirkostanzi.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef, filwaqt li l-Avukat tal-għajnuna legali Noel Bartolo assista lil Hashim el Amir.