Il-Qorti ċaħdet il-kawża ta’ libell li Mark Gaffarena ressaq fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia dwar artiklu li kienet tellgħet fil-blog tagħha rigward restaurant illegali mmexxi minn traffikant tad-droga fil-propjeta’ ta’ Gaffarena.
Gaffarena ħassu malafamat mill-artiklu tat-12 ta’ Ġunju fl-2015 li fih, Daphne Caruana Galizia kitbet li ċertu Antonie Azzopardi, magħruf bħala ċ-Ċavett, allegatament traffikant tad-droga magħruf, kien qed jopera restaurant mingħajr permess mill-propjeta’ ta’ Gaffarena.
Oriġinarjament, iċ-Ċavett kien jopera ristorant bla permess fl-Imtarfa, iżda meta l-MEPA waqqfet dan l-abbuż, hu avviċina lil Gaffarena biex iselliflu biċċa art fejn ikun jista’ jħaddem ir-restaurant. Dan tal-aħħar kien offrielu l-propjeta’ tiegħu fil-Ħandaq mingħajr ebda ħlas.
Gaffarena oġġezzjona b’mod partikolari għas-sentenza fejn intqal fil-blog li “Azzopardi x’aktarx kien qed jittraffika d-droga, jew bis-sħab ma’ Gaffarena jew min wara dahru fil-propjeta’ tiegħu.”
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, stabbiliet li s-suġġetti li dwarhom tkellmet Daphne Caruana Galizia – jiġifieri id-droga u l-bejgħ tagħha, kif ukoll attivitajiet kummerċjali mingħajr permess – huma suġġetti ta’ interess pubbliku.
Filwaqt li mhux kontestat li Mark Gaffarena hu persuna privata, madanakollu jirriżulta li fix-xhur ta’ qabel, hu kien involut f’kontroversja dwar akkwist ta’ propjeta’ mad-Dipartiment tal-Artijiet, liema kontroversja kienet saħansitra wasslet għar-riżenja tas-Segretarju Parlamentari ta’ dak iż-żmien. Il-propjeta’ msemmija minn Daphne Caruana Galizia hi parti minn propjetajiet li kienu inklużi f’din il-kontroversja.
Il-Qorti nnutat ukoll li Azzopardi, magħruf bħala ċ-Ċavett, kien instab ħati ta’ pussess ta’ droga u li bħalissa għaddej minn proċeduri dwar traffikar tad-droga.
Il-Maġistrat Depasquale kompla li fl-artiklu ta’ Daphne Caruana Galizia, Gaffarena ma kienx qed jiġi akkużat li qed ibiegħ id-drogi, iżda li fil-propjeta’ tiegħu setgħet kienet qed tinbiegħ id-droga, jew minn wara dahru jew bi ftehim miegħu.
Għaldaqstant, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li l-kumment li għaddiet Caruana Galizia fl-artiklu in kwistjoni hu bbażat fuq fatti sostanzjalment korretti u għaldaqstant għandu jitqies bħala “fair comment”.
//= $special ?>