Il-Membri mhumiex eletti tal-House of Lords fir-Renju Unit bdew jiddibattu l-abbozz li jwitti t-triq biex pajjiżhom joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Sadanittant, il-Membri (peers) kienu mħeġġa ‘biex jirrispettaw il-proċess tal-Brexit’ meta d-deputati fil-Parlament Britanniku (House of Commons) diġà appoġġjaw il-liġi proposta li tawtorizza lill-Prim Ministru, Theresa May, biex tinforma lill-UE dwar l-intenzjoni tar-Renju Unit biex ma jiffurmax aktar parti minn dan il-grupp ta’ pajjiżi.
Filwaqt li l-Barunessa Evans, li tmexxi l-House of Lords, wissiet biex il-peers ‘ma jiffrustrawx il-Brexit’ hu minnu li l-Gvern ta’ May mgħandux il-maġġoranza f’din il-Kamra fejn kienu mistennija jitkellmu numru rekord (190) ta’ membri waqt sessjoni twila.
Fl-istess ħin, l-Oppożizzjoni Britannika u l-membri tal-House of Lords minn madwar l-ispektrum politiku qegħdin ifittxu l-garanziji dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea fir-Renju Unit, kif ukoll dwar ir-rwol tal-Parlament fl-iskrutinju tal-proċess.
Theresa May qalet li, sal-aħħar ta’ Marzu, trid tilħaq tattiva Artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona tal-2009. L-Artiklu hu l-mekkaniżmu formali ta’ sentejn li jippermetti biex Stat partikulari ma jkomplix bl-isħubija fl-UE.
Fir-referendum tas-sena l-oħra fir-Renju Unit, madwar 51.9 fil-mija tal-elettorat ivvutaw favur il-Brexit. Il-Gvern Britanniku, intant, iddedika ħamest ijiem (bħala total) għad-diskussjoni tad-diversi fażijiet tal-Abbozz dwar l-UE (in-Notification of Withdrawal Bill), bid-diskussjoni f’Londra tibda bit-Tieni Qari (Second Reading), fejn il-peers jiddibattu l-prinċipji ġenerali tal-abbozz.
It-Tieni Qari f’Londra għandu jikkonkludi għada u filwaqt li vot jibqa’ possibbli, dan jittieħed biss jekk il-Membri tal-House of Lords ixolju mill-prattika tas-soltu biex ma jopponux għal-leġislazzjoni tal-Gvern f’dan l-istadju partikulari.
//= $special ?>