Illum, il-Partit Nazzjonalista jinsab fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bil-Kap tal-Partit Simon Busuttil diġà appella biex tinħoloq koalizzjoni kontra l-korruzzjoni.
Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, fi stqarrija li għamel lill-Kumitat tal-Parlament Ewropew li qed jinvestiga l-Panama Papers u li bħalissa jinsab f’pajjiżna.
Fl-istqarrija, hu spjega d-diversi pożizzjonijiet li okkupa matul il-karriera politika tiegħu, kemm meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern, kif ukoll issa li jinsab fl-Oppożizzjoni.
Spjega li jinsab onorat kif il-Partit Nazzjonalista qed imexxi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiż, hekk kif l-aħħar erba’ snin kienu mimlija bi skandlu wara l-ieħor.
Innota kif, min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu qed jiddefendi kull pass li għamlu u għadhom jagħmlu ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, minkejja li Mizzi hu l-uniku Ministru Ewropew involut fil-Panama Papers.
Beppe Fenech Adami qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ determinat li jikxef il-korruzzjoni tal-Gvern Laburista, b’konvinzjoni li fl-elezzjoni ġenerali li ġejja, il-poplu Malti se jivvota biex ineħħi lil dan il-Gvern korrott mill-poter.
//= $special ?>