Hekk kif illum l-avukati taż-żewġ naħat komplew jiddibattu dwar allegati nuqqasijiet fil-proċess ta’ inkjesta fil-każ tal-inċident waqt l-attivita’ “Paqpaqli għall-Istrina”, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja imponiet sensiela ta’ seba’ seduti minn April sa Ġunju bil-mira tkun li l-każ jinstema’ u jingħalaq sa Ġunju.
Bi 13-il imputat u numru kbir ta’ avukati li qed jidhru kemm għad-difiża kif ukoll bħala parte civile għall-vittmi, qed jinħolqu diversi diffikultajiet biex jinstabu dati li fihom ikun jista’ jidher kulħadd.
Sadanittant, l-Avukati li qed jidhru parte civile u l-Avukati li qed jidhru għall-imputati komplew jiddibattu dwar nuqqasijiet fil-proċess verbal li hu l-ġabra ta’ provi waqt l-istadju ta’ inkjesta. Il-Qorti, mistennija tiddeċiedi fil-jiem li ġejjin jekk partijiet minn dan il-proċess għandhomx jibqgħu ammissibbli jew le.
28 persuna kienu weġġgħu waqt l-attivita’ Paqpaqli għall-Istrina fl-4 ta’ Ottubru tal-2015 fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, meta karozza Porsche 918 misjuqa minn sidha Paul Bailey, ta’ nazzjonalita’ Britannika, spiċċat qalb l-ispettaturi. Sitt persuni kienu f’qagħda kritika, b’uħud minnhom kienu għadhom jirċievu l-kura fl-Isptar Mater Dei sa sena wara l-inċident.
Flimkien ma’ Bailey tressqu wkoll il-membri tal-kumitat organizzattiv tal-attivita’ li huma Tonio Darmanin, Tonio Cini, Jonathan Bruno, Ian Cilia Pisani, Agostino Degiorgio, Brian Gatt, Melvin Haber, Julian Mannara, Kevin Perry, Christopher Sultana u Jonathan Tonna.
L-Ispetturi Josric Mifsud, Silvio Magro u Hubert Cini qed imexxu l-prosekuzzjoni.
//= $special ?>