Lokali

Konferma tal-periklu li qed jgħixu fih in-nies – il-PN

Il-karozza bomba fl-Imsida (20 ta' Frar 2017) li ħalliet lil Romeo Bone ferut serjament
Il-Ministru Carmelo Abela jgħid li għada l-Kabinett se jiddiskuti miżuri ġodda imma jiċħad li ma sar xejn mill-Gvern biex ikunu protetti n-nies

L-aħħar każ ta’ splużjoni ta’ bomba f’karozza, li ħalla vittmi innoċenti midruba, jikkonferma l-periklu kbir li qed jgħixu fih il-familji Maltin u Għawdxin. Dan mhux każ uniku, iżda l-aħħar minn sensiela ta’ każijiet ta’ karozzi bomba minn kriminalità organizzata u n-nuqqas ta’ sigurtà hija riżultat ta’ Gvern mehdi fil-korruzzjoni u ta’ Korp tal-Pulizija mmexxi minn Kummissarju pupazz.

Il-Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija b’reazzjoni għall-karozza bomba, li ħalliet numru ta’ vittmi.
Il-Partit Nazzjonalista staqsa kif jista’ l-Kummissarju tal-Pulizija jsolvi każi ta’ karozzi bomba jekk l-ewwel interess tiegħu m’humiex in-nies imma li jgħatti għal Joseph Muscat u l-mod kif naqas milli jinvestiga lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.

Imma f’konferenza tal-aħbarijiet sagħtejn wara l-karozza bomba, il-Ministru responsabbli mill-Pulizija, Carmelo Abela, tefa’ t-tort tal-inċident fuq il-fatt li l-Pulizija m’humiex biżżejjed preparati, tant li għada se jitlaqqa’ l-kabinett biex jittieħdu miżuri ġodda.

“Il-miżuri li jistgħu jittieħdu wara l-laqgħa tal-Kabinett mhumiex għax ma ttiħdux miżuri, imma biex isaħħu dak li diġa ittieħed” qal il-Ministru Abela, li ċaħad li l-laqgħa tal-Kabinett hija ammissjoni li l-Gvern, fl-aħħar sentejn, baqa’ ċass fid-dawl taż-żieda fil-kriminalità organizzata.

Imma fl-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista, iffirmata mix-Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami, jintqal li minflok diskorsi u laqgħat tal-Kabinett, il-poplu Malti u Għawdxi jistenna azzjoni u riżultati. B’hekk biss, il-poplu Malti u Għawdxi jgħix fis-sigurtà u s-serħan tal-moħħ li jixraq pajjiż normali. L-istqarrija tkompli li huwa inutli li wara kull karozza bomba, il-Pulizija toħroġ stqarrija u tgħid li l-vittma kien magħruf mal-Pulizija, għax il-Korp tal-Pulizija għandu bżonn tmexxija serja, u li tinvestiga fid-dettall lill-kriminali f’pajjiżna.