Internazzjonali

L-Iraq: Pressjoni fuq l-ISIS f’Mosul

Il-qawwiet tal-Gvern Iraqi ssuktaw bl-offensiva fuq il-Punent ta’ Mosul fejn it-terroristi tal-ISIS għadhom jirreżistu għall-attakki intensivi li fihom qed jieħdu sehem eluf ta’ truppi, appoġġjati mill-artillerija u qawwiet tal-ajru.

Sadanittant, korrispondenti fiz-zona tal-gwerra qalu li numru ta’ splussivi li l-ISIS qiegħdu fir-rotta li qed jużaw dawn it-truppi spiċċaw ixekklu, ftit jew wisq, l-avvanz tal-militar fuq il-fortizza tat-terroristi. Dan waqt li l-iskwadri tal-bomb disposal stinkaw kemm felħu biex iwarrbu din it-theddida.

L-offensiva kbira fuq Mosul ilha għaddejja mill-Ħadd u l-militar Iraqi rnexxielu jaħtaf il-kontroll f’diversi villaġġi fil-madwar tal-belt. Iz-zona tal-Lvant ta’ Mosul kienet illiberata mill-ISIS proprju x-xahar li għadda, wara jiem sħaħ ta’ ġlied intensiv.

Filwaqt li l-qawwiet tal-Gvern Iraqi qed jikkontrollaw il-parti kbira tal-aċċessi lejn il-Punent ta’ Mosul, għad fadal l-inkwiet dwar ‘id-destin’ ta’ madwar 650,000 ċivili li ma jistgħux joħorġu miz-zona tal-ġlied attwali.

Fi żvilupp ieħor, is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, James Mattis, wasal f’Bagdad, il-kapitali tal-Iraq, fuq żjara għall-għarrieda u fejn, waqt diskors lill-ġurnalisti, għamilha ċara li l-militar tal-Istati Uniti ‘ma jinsabx fl-Iraq biex jaħtaf iż-żejt ta’ xi ħadd’.

Il-kummenti ta’ Mattis qed jidhru sinifikanti wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kien qal, ix-xahar li għadda, li ‘l-Amerikani messhom żammew iż-żejt għalihom meta rtiraw lit-truppi tagħhom mill-Iraq, fl-2011.’