Internazzjonali

Mike Pence iserraħ ras l-Ewropa dwar il-koperazzjoni tal-Istati Uniti

US Vice-President Mike Pence (L) meets with European Council head Donald Tusk at the European Commission in Brussels on February 20, 2017.The European Union counts on getting the same complete support from the Trump adminstration as from its predecessors, European Council head Donald Tusk said on February 20. / AFP / THIERRY CHARLIER (Photo credit should read THIERRY CHARLIER/AFP/Getty Images)

Il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Mike Pence, qal, waqt diskors fi Brussell, li l-Istati Uniti, taħt it-tmexxija tal-President Donald Trump, għadha impenjata għall-koperazzjoni u sħubija mal-Unjoni Ewropea.

Dan waqt li Pence ipprova jserraħ ras l-Alleati Ewropej ta’ Washington, li qed jinkwetaw dwar uħud mill-aħħar kummenti kontroversjali min-naħa tal-President Trump fejn hu, fost oħrajn, kien tkellem dwar il-Brexit (it-tluq tar-Renju Unit mill-UE) u r-rwol tal-Alleanza tan-NATO.

Donald Tusk, bħala l-President tal-Kunsill Ewropew, qal li l-UE qed tiddependi mill-appoġġ ‘inekwivoku’ tal-Amerikani għal Ewropa magħquda.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi-President Pence – li kellu wkoll taħditiet mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker – qal li kien il-President Trump li ‘talbu biex jivvjaġġa lejn Brussell’.

Sadanittant, Juncker qal li l-Istati Uniti ‘teħtieġ Unjoni Ewropea magħquda u b’saħħitha’, waqt li sostna li ‘issa mhux iż-żmien biex l-Ewropa tinqasam f’kategoriji nazzjonali u provinċjali bħalma kienu jeżistu qabel’.

Fl-istess ħin, Donald Tusk qal li l-laqgħat ma’ Mike Pence kienu ‘meħtieġa tassew’ wara li t-Tmexxija ġdida f’Washington esprimiet ‘diversi opinjonijiet sorprendenti’. Tusk anki ċaħad għall-idea ‘li n-NATO setgħet spiċċat żmienha’, b’referenza għad-diskors, ġimgħat ilu, min-naħa ta’ Donald Trump, fir-rigward tal-Alleanza tal-Punent.