Internazzjonali

Tiħrax it-tilwima bejn il-Malasja u l-Korea komunista

Il-Malasja żiedet il-miżuri diplomatiċi fil-konfront tal-Korea ta’ Fuq komunista bħala parti mit-tilwima li qed tiħrax dwar il-qtil ta’ ħu l-President Korean komunista, li kien seħħ jiem ilu fl-ajruport internazzjonali ta’ Kuala Lumpur.

Il-vittma, Kim Jong-nam, tilef ħajtu f’ċirkustanzi misterjużi u l-pulizija temmen li hu spiċċa aggredit u vvelenat fl-ajruport partikulari. Filwaqt li l-Korea t’Isfel temmen li r-reġim tal-President Korean komunista, Kim Jong-un, kellu sehem f’dan il-qtil, il-Malasja, issa, irtirat lill-ambaxxatur tagħha minn Pyongyang, filwaqt li sejħet lill-Ambaxxatur tal-Korea ta’ Fuq residenti f’pajjiżha ‘biex jipprovdilha spjegazzjoni.’

Il-Pulizija Malasjana fil-preżent qed tfittex erba’ persuni mill-Korea ta’ Fuq li huma suspettati fl-omiċidju ta’ Kim Jong-nam.

Sadanittant, l-Ambaxxatur tal-Korea ta’ Fuq għal Kuala Lumpur, Kang Chol, kellem lill-ġurnalisti u qal li hu ‘ma jafdax l-inkjesta li qed tmexxi l-Malasja’. Kang Chol sostna li filwaqt li għaddiet ġimgħa mill-omiċidju ta’ Kim Jong-Nam, għad mhemm l-ebda provi ċari dwar il-kawża tal-mewt fiċ-ċirkustanzi.

Hu żied li ‘f’dan il-mument, il-Korea ta’ Fuq ma tistax tafda l-investigazzjoni tal-Pulizija Malasjana anki jekk għad iridu jinkisbu r-riżultati’. Fil-fatt, l-Ambaxxatur komunista enfasizza ‘id-dubji ta’ pajjiżu li ħaddieħor qed jinfluwenza l-investigazzjoni f’każ li qed jispiċċa politiċizzat’.

Minkejja l-ispekulazzjoni ‘kbira’ li l-Korea ta’ Fuq hi ‘responsabbli mill-qtil ta’ Kim Jong-nam’, jonqos għall-provi ċaru u rrifjutabbli fis-sitwazzjoni, bir-reġim komunista fi Pyongyang ma joħroġ bl-ebda stqarrija uffiċjali.