Sport

Budapest mhux se torganizza l-Olimpjadi tal-2024

Il-belt Ungeriża ta’ Budapest m’għandha l-ebda ċans li torganizza l-Olimpjadi tal-2024. Dan qalu l-Kap tal-kumitat li tefa’ l-kandidatura Balazs Furjes hekk kif spjega li aktar minn 260 elf ruħ iffirmaw petizzjoni kontra l-idea li din il-belt torganizza dan l-avveniment sportiv.
Jidher li fl-Ungerija jista’ jsir referendum dwar jekk il-kumitat għandux jippreżenta l-kandidatura. Dawk kollha li huma kontra li Budapest torganizza l-Olimpjadi qed jgħidu li jippreferu li l-flus aħjar jintefqu fuq sptarijiet u skejjel milli fuq faċilitajiet sportivi.
Matul dawn l-aħħar jiem ġew ippubblikati ritratti tal-grawnd tal-Maracana f’Rio bil-Brażil li jidher fi stat mitluq, tliet snin wara li fih saru partiti mit-turnament tal-futbol tal-Olimpjadi u anke tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol.
Los Angeles u Pariġi huma ż-żewġ bliet l-oħra li qed jittamaw li jingħataw id-dritt li jorganizzaw l-edizzjoni. Fl-2015 Hamburg irtirat il-kandidatura u sena wara anke Ruma rtirat il-kandidatura. F’Settembru li ġej il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC) jagħżel il-belt li se torganizza l-Olimpjadi tal-2024.