Sport

Camenzuli mistenni jkun elett President tal-AIPS

Charles Camenzuli (fin-nofs) ippreżenta uffiċjalment il-kandidatura tiegħu għall-kariga ta’ President tal-AIPS Europe

Il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Charles Camenzuli ippreżenta uffiċjalment il-kandidatura tiegħu għall-kariga ta’ President tal-AIPS Europe li tiġbor fi ħdanha 49 assoċjazzjoni affiljata mal-AIPS.
Minħabba li kien hu biss li ippreżenta l-kandidatura hu mistenni jkun elett President waqt l-elezzjoni tal-elezzjoni tal-Kumitat Ezekuttiv tal-AIPS EUROPE li se ssir fl-10 ta’ Mejju fit-80 Kungress tal-AIPS li għandu jsir f’Seoul u Pyeongyang.
Camenzuli għamel dan ilbieraħ waqt laqgħa importanti tal-Eżekuttiv tal-AIPS Europe li qed jiltaqa’ bħalissa f’Malta.
Charles Camenzuli huwa s-Segretarju Ġenerali tal-AIPS Europe wara li kien elett fil-kariga fl-2010 fil-Kungress ta’ Antalya wara li kien serva mill-1989 fl-eżekuttiv tal-AIPS kemm bħala membru tal-Eżekuttiv kif wkoll għal snin twal bħala Segretarju Ġenerali fejn wara nħatar Segretarju Ġenerali Onorarju għal ħħomru tal-AIPS.

Jibdew l-attivitajiet
It-Tnejn bdew l-ativitajiet f’Malta relatati mal-laqgħa tal-AIPS f’Malta. Preżenti għal laqgħat li qed isiru hawn Malta se jkun hawn uħud mill-aqwa ġurnalisti tal-Isport fl-Ewropa
L-ewwel attivita’ organizzata kien Seminar Internazzjonali bil-parteċipazzjoni ta’ tliet membri tal-Eżekuttiv lal-AIPS Europe li indirizzaw lill-membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.
Fost il-kelliema tas-Seminar kien hemm Nastassija Marynina mill-Belarus, Predrag Milinkovic mis-Serbja u Ioannis Daras mill-Greċja li hu l-President attwali tal-fergħa tal-AIPS tal-Ewropa.
Marynina li hi ġurnalista u taħdem ukoll fi ħdan il-Kumitat Olimpiku tal-Belarus tkellmet dwar il-preparazzjoni tal-Belt ta’ Minsk għall-edizzjoni li jmiss tal-European Games.
Milinkovic tkellem dwar l-esperjenza tiegħu li għal tmien snin sħaħ b’mod konsekuttiv segwa bħala ġurnalist l-avveniment internazzjonali tad-Dakar.
Ioannis Daras tkellem dwar il-problema eżistenti tad-drittiijiet tar-radju u tat-televiżjoni li fil-mument qed taffaċċja l-media internazzjonali.
Wara s-Seminar l-Eżekuttiv tal-AIPS Europe u l-membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kienu mistiedna għal riceviment fl-istabbiliment HiMU’ fi Strand il-Gżira.
It-Tlieta filgħodu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport Chris Agius indirizza lill-Eżekuttiv tal-AIPS Europe. Indirizzaw lill-membri tal-Eżekuttiv qabel il-laqgħa uffiċjali wkoll David Agius kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-Isport u Mark Cutajar Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta.