Sport Sport Ieħor

Darts: Rebħa importanti għal John Ciantar

John Ciantar għeleb lil Brian Abela 4-3

Norbert Attard kompla fit-triq it-tajba fir-raba’ ġimgħa mill-kompetizzjoni Premier League, meta kiseb ir-raba’ rebħa konsekuttiva filwaqt li Godfrey Abela, David Attard u John Ciantar rebħu t-tieni logħba personali tagħhom.

Godfrey Abela v John Agius 4-2

Godfrey Abela kompla fejn ħalla fit-tielet ġimgħa, bit-tieni rebħa konsekuttiva, din id-darba fuq John Agius. Abela rebaħ l-ewwel logħba imma sab ruħu 2-1 minn taħt wara li falla numru ta’ darts fuq id-doubles. Ir-raba’ leg rat lil Abela jirbaħha bi 13-il dart, u b’rebħiet fil-ħames u s-sitt leg għalaq il-partita biex issa jinsab fir-raba’ post tal-klassifika. Abela kkonkluda l-partita fuq 3-dart average ta’ 83.01.

David Attard v Albert Scerri 4-3

David Attard irnexxielu jagħti l-ewwel telfa lil Scerri f’logħba li ġiet deċiża fil-leg finali. Attard beda l-aħjar u kiseb vantaġġ doppju. L-istess plejer seta’ jkabbar l-iskor, imma tliet darts mitlufin fuq id-double fit-tliet leg, rat lil Scerri jirbaħ l-ewwel leg tiegħu.

Ir-raba’ u s-sitt legs intrebħu minn Scerri, b’Attard jirbaħ il-ħames leg u b’hekk l-aħħar leg deċiżiv tal-partita kien se jiddeċiedi r-rebbieħ, b’Attard jagħlaq id-doppju l-ewwel għat-tieni rebħa tiegħu personali.

John Ciantar v Brian Abela 4-3

It-tielet logħba rat lil John Ciantar joħroġ rebbieħ fuq Brian Abela f’partita li wkoll ġiet deċiża fil-leg finali. L-ewwel żewġ legs inqasmu b’Ciantar jirbaħ l-ewwel leg filwaqt li Abela rebaħ it-tieni leg.
Ciantar reġa’ ħa l-vantaġġ b’rebħa fit-tielet leg fejn hu wkoll laqat żewġ 180s. Reazzjoni minn Abela fejn irnexxielu jdawwar ir-riżultat favur tiegħu għal 3-2 u l-vantaġġ għall-ewwel darba fil-partita. Għal darba oħra, Abela kellu opportunità li jikseb l-ewwel rebħa tiegħu f’din il-kompetizzjoni, iżda falla b’Ciantar idawwar l-iskor u jirbaħ 4-3.

Vincent Busutill v Norbert Attard 3-4

L-aħħar logħba mir-raba’ ġurnata tal-Premier League laqqat lil kollegi ta’ Floriana Vincent Busutill u Norbert Attard. Wara erba’ legs, l-iskor kien 2-2, b’ Attard jirbaħ l-ewwel u raba’ leg filwaqt li Busuttil rebaħ it-tieni u tielet leg.

Il-ħames leg intrebħet minn Attard imma risposta immedjata minn Busuttil fis-sitt leg, tefgħet il-logħba fil-leg deċiżiv. Attard ħareġ rebbieħ biex wara erba’ ġimghat jinsab b’punti massimi u fl-ewwel post.

Klassifika

Norbert Attard (4-0), Albert Scerri (3-1), David Attard (2-2), Godfrey Abela (2-2), John Agius (2-2), John Ciantar (2-2), Vincent Busuttil (1-3), Brian Abela (0-4)

Statistika

L-aqwa 3-dart average – Godfrey Abela – 83.01

L-aqwa leg – Godfrey Abela – 13

180 – John Ciantar – 2

L-akbar għeluq – Brian Abela – 100

L-istreaming ta’ dawn il-logħbiet jinsabu fuq is-sit ta’ Youtube tal-assoċjazzjoni – Malta Premier League of Darts 2016/17 – Day 4. Il-ħames ġimgħa tintlagħab l-Erbgħa 8 ta’ Marzu 2017 fil-Common Room tal-Università ta’ Malta bil-logħob jibda fit-8pm.