Lokali Parlament

Gvern distakkat mill-poplu

– Francis Zammit Dimech, PN

Il-Ministru Michael Farrugia bi kliem insolenti fil-parlament

Meta kien qed jitkellem fil-parlament illejla fid-dibattitu dwar l-estimi tal-budget, Francis Zammit Dimech qal li filwaqt li l-gvern jiftaħar b’ekonomija miexja ‘l quddiem, fir-realtà qed jonqos b’mod assolut fl-immaniġġjar serju tal-ekonomija. Din għandha titkejjel mill-effett fuq il-poplu Malti; fuq dak li qiegħed fuq il-paga minima, fuq il-pensjonanti fuq dawk li ma jlaħħqux mal-għoli tal-ħajja u dawk li jittalbu għall-aċċess għall-mediċini.

Il-pajjiż hu ffaċċjat bl-aktar gvern korrott fl-istorja bil-konsegwenza li ma jkunx hemm it-tqassim ġust tal-ġid fis-soċjetà. Hu semma s-70,000 ħaddiem li ma jiżdidux fil-paga tagħhom, il-Maltin li qed iħallsu iktar għall-petrol u d-diesel u l-persuni fil-faqar u qal li din iċ-ċifra għoliet minn 88,000 għal 94,000 persuna.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li dan hu gvern distakkat mir-realtà tal-poplu Malti fejn is-segretarja tal-PL ingħatat €70,000 f’konsulenza mill-ARMS, il-Ministru Mizzi baqa’ jaġixxi il-portafoll u Sai Mizzi baqgħet ingaġġata b’totla ta’ €13,000 fix-xahar meta l-Ministru Mizzi kien qal li din se tieqaf.

F’dan il-mument Francis Zammit Dimech irrimarka li l-Ministru Farrugia kien uża l-kelma ‘bullshit’ fil-konfront tiegħu. L-Ispeaker qal li huma kinx sema dik il-kelma u din intqalet off mic.
Francis Zammit Dimech qal li hu dan il-gvern qed jattwa politika tal-bullshit meta ma żammx kelmtu mal-poplu u jiċċensura l-kuntratti importanti mill-poplu. Hu kkritika lill-gvern għan-nuqqas ta’ trasparenza wżata u qal li l-kelma bullshit tista’ tirreferi għan-nuqqas ta’ trasparenza tal-gvern u għall-mandat ta’ sekwestru minn ministru fuq ġurnalista.

Il-gvern ma jisatx ma jiftaħx għajnejh quddiem il-protesta kbira tal-poplu tal-Ħadd li għadda fil-Belt, sostna Zammit Dimech, li kompla li l-gvern ma jistax jibqa’ juża biss slogans. Il-gvern hu distakkat mill-poplu dwar il-verità, fuq l-ekonomija u fil-valuri fejn il-gvern jaħseb li jista’ jibqa għaddej bl-arroganza u ma jitkellmix fuq il-korruzzjoni. Din hi realtà tal-assurd.

Francis Zammit Dimech semma l-każ tas-CEO li ngħatat pakkett finanzjarju ta’ iktar minn €100,000 u qal li bla dubju li din mhix tgħix ir-realtà tal-ħaddiema, inkluż ta’ Laburisti ġenwini. Dawn il-Laburisti jħossuhom traduti mill-istess gvern tagħhom. Il-PN hu kburi li jkun it-tarka u l-vuċi tal-ħaddiema u tal-poplu, sostna Zammit Dimech, li kompla li hemm madwar 600 persuna li huma persons of trust appuntati minn dan il-gvern.

Francis Zammit Dimech semma l-każ fil-Ministeru tal-Edukazzjoni fejn canvasser tal-Ministru Evarist Bartolo kien iqassam iċ-ċekkijiet lill-kuntratturi. Din il-persuna issospendiet lilha nnfisha bl-istess paga li kellha! Dan meta din mhix il-proċedura mal-Gvern.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-media u qal li hu xokkanti li d-Deputat Mexxej Laburista juża miżura li qatt ma ntużat qabel kontra ġurnalista biex jiffriża l-kontijiet bankarji tal-ġurnalisti. Il-poplu qam b’rabja kbira anki dawk li ma jaqblux ma’ kummenti li tuża din il-ġurnalisti.

Il-gvern irreaġixxa b’liġi dwar il-media iżda din kienet ipokresija kbira għaliex allura l-gvern kellu jgħid lill-Ministru Cardona biex jirtira dak li għamel. Dan hu prinċipju bażiku bħall-prinċipju li l-internet li għandu jibqa’ ħieles, sostna Francis Zammit Dimech.