Lokali Parlament

Il-kriżi fil-pulizija qed twassal għal kriminalità organizzata u biża’ fil-poplu

Il-vettura li fiha kien hemm Romero Bone, ta' 40 sena mill-Floriana, fl-isplużjoni fl-Imsida

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sostna li l-kriżi li ġab dan il-Gvern fil-Korp tal-Pulizija twassal għal kriminalità orgnaizzata u biża’ kbir fost il-poplu Malti.

Is-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż wara l-karozza bomba fl-Imsida kienet diskussa fil-Parlament wara staqarrija ministerjali mill-Ministur tal-Intern Carmelo Abela. Fid-dibattitu tkellmu wkoll il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Buusttil u diversi Deputati Nazzjonalisti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li n-nies huma inkwetati mmens fuq is-sigurtà tagħhom u kompla li fl-aħħar sena kien hemm ħames każi ta’ karozza bomba. In-nies inkwetati li jweġġgħu wkoll il-persuni innoċenti f’dawn il-każi ta’ kriminalità organizzata.

Hu kompla li jew il-gvern mhux jiġġieled il-kriminalità organizzata jew qed ifalli. Hawn kriżi kbira fil-fiduċja u ta’ kompetenza fil-pulizija. Dan għax hemm Kummissarju li qiegħed hemm minħabba l-affiljazzjoni politika fejn aktar moħħu li jiddefendi l-gvern milli lin-nies. Il-Kummissarju li suppost issa għandu CEO u għalhekk suppost iffukat fuq l-investigazzjonijiet biss.

L-Oppożizzjoni qed tirrappreżenta l-inkwiet tan-nies. In-numru ta’ pulizija bravi u b’esperjenza twila li telqu mill-Korp għax ma felħux iktar fl-aħħar erba’ snin, ma jingħaddux. L-aħjar nies qed jitilqu mill-Korp tal-Pulizija għax ma felħux iktar.

Il-PN hu kburi ħafna bil-Korp tal-Pulizija u hu ħażin li l-fiduċja fil-Korp illum reġgħet krollat. Il-Gvern għandu jara x’se jagħmel fuq din is-sitwazzjoni li issa qed tallarma lin-nies. Mhux biżżejjed li l-Ministru tal-Intern ikun irrabbjat u xxokkjat.

Il-Gvern jeħtieġ jirrevedi l-politika fuq il-pulizija. Jekk il-gvern mhux se jindirizza l-kwistjoni tal-fiduċja, il-problemi se jkomplu. Hu għalhekk li l-Kummissarju għandu jinħatar b’żewġ terzi tal-Parlament. Din tista’ ssir, sostna Simon Busuttil, li kompla li l-Oppożizzjoni proponiet kumitat parlamentari dwar is-sigurtà.

Dan għandu jitwaqqaf għax wasal iż-żmien għalih, sostna Simon Busuttil, li kompla li għandu jsir skrutinju parlamantari f’dan is-settur. Hu staqsa jekk il-gvern jidhirlux li wasal iż-żmien li jaċċetta l-propsta tal-Oppożizzjoni.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din mhix sitwazzjoni normali u l-Gvern hu mħasseb għas-sitwazzjoni u mhux se jwarrab ir-responsabbiltà dwar is-sigurtà fil-pajjiż.

Il-Gvern iġorr din ir-responsabbiltà, sostna l-Prim Ministru, li kompla li l-PL qatt ma aġixxa b’dan il-mod fil-passat kif qed taġixxi l-Oppożizzjoni llum. Kien fil-passat li fil-pajjiż seħħew atti ta’ kriminalità kbira.

Hu appella lill-Oppożizzjoni biex ma tagħmilx ballun politiku minn din is-sitwazzjoni u sostna li hu kien għaddej minn dik iz-zona kwarta qabel. Il-Prim Ministru kompla li l-messaġġ lill-kriminali hu li l-gvern mhux se jħallihom idaħħlu nies innoċenti f’din il-kirminalità.

Il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela qal li l-inidkazzjonijiet huma li l-isplużjoni seħħet kawża ta’ bomba. Qed nesprimi r-rabja kbira tagħna għal dan it-tieni każ ta’ karozza bomba. Il-gvern hu rrabbjat u xxukkjat ukoll li dan seħħ fi triq li minnha jgħaddu eluf ta’ persuni u hi traffikuża b’riskju mhux biss għall-persuni fil-karrozza iżda għall-persuni fit-triq. Hu esprima fiduċja fil-pulizija u fl-investigazzjonijiet.

Hu fisser li l-pulizija qed tagħmel minn kollox biex jaslu għall-konklużjonijiet u jressqu lill-persuni. Il-Gvern hu impenjat li jkompli jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-pulizija quddiem xejriet li jkunu qed jiżviluppaw. Diġà kienu introdotti għodda ġodda. Il-Kabinett se jara l-għodod meħtieġa biex ikunu speċifikati l-ħtiġiet tal-pulizja quddiem din ir-realtà. Il-gvern qed iddiskuti pieni iktar ħorox għal reati ta’ din in-natura.

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern, Beppe Fenech Adami, qal li l-poplu hu mbeżża’ apparti li hu rrabjat għaliex il-kriminalità f’Malta ħadet dimensjoni oħra.

Hu rrimarka li dak li seħħ fl-Imsida hu dak li wissiet l-Oppożizzjoni xhur ilu għaliex kien hemm vittmi oħrajn minbarra l-mira. L-Oppożizzjoni kienet wissiet lill-Gvern, iżda l-Ministru tal-Intern iddieħak bl-Oppożizzjoni u kien allega li l-Oppożizzjoni qed tallarma lin-nies.

Il-Ministru Abela jinsab f’sitwazzjoni fejn l-ebda ministru ma kien bħalha qabel. Il-kriminali llum hu organizzat li lest joqtol lill-vittma u lill-mira tiegħu. Dan kien il-messaġġ ta’ min wettaq il-karozza bomba. Fil-pajjiż hawn kriminali li lesti jagħmlu l-bombi b’mod indiskriminat kif seħħ fl-Imsida. Hu staqsa x’passi ttieħdu mill-pulizija biex jimtelew il-postijiet vojta b’nies komptenti, biex ma jibqgħux jintilfu l-aħjar elementi mill-Korp tal-Pulizija.

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister għall-Finanzi, Mario de Marco, qal li apparti r-rabja, il-poplu qed jistenna r-reazzjoni, għaliex f’sena din hi l-ħames karozza bomba bil-vittmi fatali jew feruti gravi.

Hu kompla li minn dawn il-karozzi bombi ma kien hemm l-ebda każ li kien solvut. Dan ifisser li min qed iwettaq din il-kriminalità għadu barra u jista’ jkun hemm iktar. Il-fatt li l-Korp kellu ħames kummissarji f’erba’ snin mhux se jgħin lill-korp għaliex il-korp għandu bżonn kontinwità.

Il-Korp għandu jitneħħa mill-aspett politiku, bil-Kummissarju jkun approvat b’żewġ terzi tal-Parlament biex ikollu l-fiduċja meħtieġa.
Ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Jason Azzopardi, staqsa ma’ liema kriminalità l-bombi huma a ssoċjati; jekk hemmx nies bil-police bail b’konnessjoni mal-karrozzi bombi; kemm ġew interrogati nies u jekk il-pulizija hix fiduċja li jitressqu l-qorti. Hu staqsa wkoll jekk it-389 persuna li ħallew il-Korp affettwawx l-esperjenza tal-Korp tal-Pulizija u kif isiru l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Bla dubju dawn ħallew impatt fuq il-Korp, sostna Jason Azzopardi li staqsa wkoll jekk hemmx xi ħaġa ħażina issa li hawn din il-kriminlià meta fil-Korp il-Kummissarju hu ffukat biss fuq l-investigazzjonijiet.

Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea qal li l-poplu jinsab imbeżża’ u rrifera għall-karozza bomba li seħħet f’San Pawl il-Baħar fejn seħħet karozza bomba f’zona residenzjali viċin skola. Hu staqsa jekk kienx hemm diskussjoni fil-Kabinett wara l-bombi l-oħra.

Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici qalet li fil-pajjiż hawn kaos b’pajjiż staġnat minħabba t-traffiku kbir li nġema’ u staqsiet jekk kienx hemm diskussjonijiet mal-Ministru Joe Mizzi dwar din is-sitwazzjoni. Hi staqsiet ukoll dwar l-assenza kbira ta’ pulizija fit-toroq Maltin.

Id-Deputat Nazzjonalista Charlò Bonnici staqsa lill-Ministru tal-Intern jekk hux inwketat mill-fatt li vittmi kollha huma magħrufa mal-pulizija.

Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg qal li qed tikber il-perċessjoni hi li l-pajjiż mhux wieħed sigur fosthom mill-aspett turistiku u staqsa kif il-Kabinett se jiddiskuti issa u mhux qabel.

Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Pulì qal li fl-aħħar snin il-kriminalità qed tiżdied. Hu staqsa x’inhi l-istratġeija tal-Gvern quddiem il-kriminalità organizzata u kif il-pulizija se jissaħħu fl-investigazzjonijiet.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius staqsa jekk għandux kuntatt mal-kunsilli lokali dwar in-neighbourhood watch u jekk hemmx sistema ta’ tibdil tat-traffiku meta jinqalgħu dawn l-inċidenti.

Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li l-akbar rabja tinsab fost il-poplu b’din is-sitwazzjoni. Hu staqsa dwar il-livell ta’ investigazzjoni dwar l-erba’ każi l-oħra ta’ karozzi bombi u sostna li d-diskussjoni fil-Kabinett m’għandhiex tkun dwar pieni iktar ħorox iżda dwar l-operat kollu tal-pulizija inkluż il-ħidma investigattiva tal-pulizija.

Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina staqsa jekk il-kabinett qattx iddiskuta l-karozzi bombi, jekk hemmx pjan ta’ kontinġenza dwar it-traffiku u jekk għandiex tinħoloq sezzjoni li tinvestiga dawn il-każi.

Il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela wieġeb li l-gvern qed iwettaq riforma fil-pulizija u sostna li l-gvern qed jiġġieled il-kirminalità organizzata b’kull mezz. Hu qal li fl-2014 il-pulizija solviet tliet każi minn sitta serji, fl-2015 kien hemm każ solvut minn erbgħa, fl-2016 kienu solvuti tliet każi minn ħamsa u din is-sena issolva każ ta’ qtil f’ġurnata.

Il-fiduċja fl-investigaturi tiġi mill-istatistika f’każi ta’ importanza kbira. Il-fatti juru li l-pulizija qed ikollha suċċessi f’każi ta’ qtil, sostna l-Ministru tal-Intern li tefa’ l-ħtija fuq in-nuqqas ta’ fiduċja fil-Korp tal-Pulizija fuq l-Opożizzjoni.

Il-Ministru Abela qal li l-Gvern ma jaqbilx li l-Kummssarju jkun maħtur bi qbil, u sostna li lanqas il-unions li jirrapreżentaw lill-pulizija ma jaqblu dwar dan. Hu qal li hemm pargaun tajjeb mal-passat dwar in-numru ta’ persuni li jitilqu mill-korp tal-pulizija.

Ir-raġuni li ta l-Ministru Abela għan-numru ta’ persuni li jitilqu mill-Korp huma l-benefiċċji tal-pensjoni. Dwar l-investigazzjonijiet, il-Ministru Abela qal li ma tistax tingħata informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet. Hu kompla li l-pulizija llum għandhom għodda addizzjonali biex jaqdu d-dmirijiet tagħhom.