Internazzjonali

Il-Mexxej tal-Ażerbajġan jaħtar lil martu Viċi-President

Il-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev, ħatar lil martu, Mehriban, biex isservi bħala l-Ewwel Viċi-President tal-pajjiż. Dan qed jitqies bħala pass ieħor ta’ Ilham Aliyev biex jikkonsolida t-tmexxija awtoritarja tiegħu f’din l-eksrepubblika Sovjetika, sinjura fiż-żejt, fir-reġjun tal-Kawkasu.

Ilham Aliyev ilu jmexxi lill-Ażerbajġan mill-mewt ta’ missieru, Heydar, fl-2003. Intant, il-ħatra ta’ Mehriban bħala Viċi-President tal-Azerbajġan tħabbret fuq il-websajt tal-Presidenza.

Mehriban Aliyeva, li għandha 52 sena, hi deputat tal-parlament li studjat u prattikat il-mediċina u li qed tmexxi l-Fondazzjoni bl-isem ta’ Heydar Aliyev. Hi tispikka fir-rapporti tal-istampa tal-Istat Ażeri, li kemm-il darba tikkonċentra bis-sħiħ fuq il-familja ta’ Aliyev.

Intant, l-attivisti favur id-drittijiet umani huma mħassbin dwar in-nuqqas ta’ rispett għall-espressjoni ħielsa fl-Ażerbajġan u ta spiss jikkundannaw ir-ripressjoni tad-dissens – u b’mod partikulari rappurtaġġ indipendenti — mill-Presidenza f’Baku.

Fattur ieħor suġġett għal kundanna kbira jinvolvi ‘il-korruzzjoni istituzzjonalizzata’ fl-entitajiet tal-Istat Ażeri, bil-Gvern ta’ Aliyev qed jiċħad l-allegazzjonijiet.

F’Settembru li għadda, Ilham Aliyev organizza referendum li rriżulta f’sitwazzjoni fejn l-Ażerbajġan, illum, għandu Viċi-Presidenza ħafna aktar influwenti minn qabel. L-istess referendum ippermetta biex it-terminu tal-Presidenza, fl-Ażerbajġan, ikun estiż minn ħames għal seba’ snin.

Is-sena l-oħra, sar magħruf – permezz ta’ leak minn dokumenti diplomatiċi tal-Istati Uniti – li Mehriban Aliyeva, minkejja li tokkupa r-rwol ta’ deputat, ‘tidher li ftit hi infurmata dwar kwistjonijiet politiċi’.