Internazzjonali

Il-proċess ta’ iben Gaddafi ‘mhux xieraq’, skont in-NU

Il-proċess ta’ Saif al-Islam Gaddafi, wieħed minn ulied l-eksdittatur Libjan Muammar Gaddafi, li spiċċa kkundannat għall-mewt fl-assenza tiegħu, ma jissodisfax il-kriterji internazzjonali. Dan qalitu n-Nazzjonijiet Uniti, li qed tħeġġeġ biex Saif jiffaċċja akkużi ta’ omiċidju quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali ta’ The Hague, fl-Olanda.

Saif al-Islam ilu miżmum fir-reġjun ta’ Zintan, il-Libja, mindu kkrolla r-reġim ta’ missieru fl-2011. Hu spiċċa f’idejn wieħed mill-gruppi tal-milizji li bdew jissieltu għall-poter fil-pajjiż dritt wara l-qtil ta’ Muammar Gaddafi f’dik is-sena.

F’Lulju tal-2015, Saif kien ikkundannat għall-mewt minn Qorti ta’ Tripli li sabitu ħati dwar reati tal-gwerra, fosthom il-qtil ta’ dimostranti waqt ir-rewwixta kontra r-reġim ta’ Gaddafi. Intant, il-qawwiet ta’ Zintan irrifjutaw li jċedu l-kustodju ta’ Saif fejn qalu li ‘ma kenux jafdaw il-garanziji mill-awtoritajiet fi Tripli li hu (Saif) ma kellux jaħrab’.

Ir-rapport tan-NU dwar il-proċess ta’ 37 imputat, fosthom Saif, irrefera għal abbużi serji li jinkludu każi fejn l-imputati qattgħu priġunerija fit-tul mingħajr aċċess għall-avukati u qrabathom. Issemmew anki allegazzjonijiet ta’ tortura mhux investigati b’mod xieraq.

Ir-rapport kompla li l-proċeduri, f’dan il-każ, marru ’l bogħod mill-kriterji normali għal proċess xieraq, ‘waqt li xi aspetti abbużaw ukoll il-liġi tal-Libja’. Dan meta l-ebda xhieda għall-prosekuzzjoni ma kienu ssejħu biex jixhdu fil-qorti, f’sitwazzjoni fejn l-imputati ma setgħux jikkuntestaw xi elementi ta’ prova miġjuba kontra tagħhom.