Lokali Parlament

Ix-xogħol, l-aċċessibbiltà, it-toroq u s-saħħa l-akbar problemi għall-Għawdxin

– Chris Said, PN

Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said sostna li x-xogħol, l-aċċessibbiltà, it-toroq u s-saħħa umal-ikbar problemi għall-Għawdxin; bis-saħħa tidħol fost il-preokupazzjonijiet ewlkeninpropju minħabba li l-gvern ipprivatizza l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament dwar l-estimi tal-budget Chris Said tkellem dwar Għawdex u qal li minn stħarriġ li sar jirriżulta li hemm diversi setturi li qed jinkwetaw lill-poplu Għawdxi fejn l-aktar erba’ problemi huma x-xogħol, l-aċċessibbiltà, it-toroq u s-saħħa. Għall-ewwel darba wara ħafna snin l-Għawdxin huma preokkupati dwar is-saħħa għaliex il-gvern ipprivatizza s-settur tas-saħħa. Dawn is-setturi huma totalment differenti minn dawk li jippreokuppaw lill-Maltin fejn l-immigrazzjoni, it-traffiku u l-korruzzjoni huma fuq quddiem. Il-Gvern mhux jindirizza l-preokupazzjonijiet prinċipali tal-Għawdxin.

Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għal Għawdex tkellem dwar l-aċċessibbiltà u qal li din hi r-raba’ sena tal-Gvern iżda ma sarx xejn dwar dan minkejja l-wegħdi kollha li l-PL għamel inkluż il-pont, il-fast ferry u l-konnettività. Dan filwaqt li s-servizz tal-ġarr tal-merkanzija bejn Marsamxett u Għawdex twaqqaf u ilu 14-il xahar wieqaf. Dan ifisser li l-merkanzija kollha qed tgħaddi mit-toroq dojoq f’Malta u toħloq problemi ta’ traffiku.

Wegħda oħra kienet tal-fixed wing fejn minkejja l-eluf li ntefqu fl-istudji min-nies tal-qalba li tħallsu l-eluf, il-gvern irrifjuta li jippubblika l-istudji u ma sar xejn. Il-gvern qal li din il-proposta ġiet imwarrba. Il-gvern kien wiegħed ukoll konnettività bejn Għawdex u ajruporti oħra fil-Mediterran.

Dwar il-fast-ferry service, Chris Said qal li hawn ma sar xejn u l-gvern mhux jgħid meta se jibda dan is-servizz. Meta tkellem dwar il-vapuri li hemm, Chris Said qal li dawn iservu tajjeb it-traġitt iżda jidher li m’hemmx pjan għal meta dawn se jinbidlu. Hu staqsa jekk hemmx pjan biex isir vapur ieħor biex ilaħħqu mad-domanda u jekk hemmx pjan biex isiru l-ixkafef fit-tielet vapur. L-iskop primarju tal-Gozo Channel mhux il-profitt għaliex dan hu servizz soċjali għall-Għawdxin.

Hu tkellem dwar il-mina bejn Malta u Għawdex u qal li minkejja li għaddew erba’ snin, il-gvern għadu ma ħax id-deċiżjoni. Il-gvern qed jaħli ż-żmien.

Chris Said tkellem dwar it-toroq f’Għawdex u qal li t-toroq illum jinsabu fi stat diżastruż għaliex mhux issir manutenzjoni tagħhom. Hu qal li fejn qed isiru ċertu toroq, dawn mhux isiru skont il-livelli stabbiliti. Fost dawn hemm Triq il-Kapuċċini li reġgħet infetħet għas-servizzi wara li tlestiet waqt li t-Triq tal-Ħalel fin-Nadur niżlet wara ftit żmien. Jirriżulta wkoll li l-Ministru għal Għawdex qed jaħrab milli jwieġeb dwar il-periti inovluti u dwar it-testjiet fuq it-tarmak li ntuża.

Suppost li €120 miljun mill-finanzjament ta’ bejn l-2014 u l-2020 – fejn Malta ħadet €1200 miljun li ġab Gvern Nazzjonalista – marru għal Għawdex. Kemm se jinbnew toroq ġodda? staqsa Chris Said, li kompla li l-Ministru Joe Mizzi qed jaħrab milli jwieġeb u jsemmi biss toroq f’Malta għaliex m’hemmx pjani li jinbnew toroq ġodda f’Għawdex f’dawn is-seba’ snin sal-2020.

Fil-leġiżlatura li għaddiet inbnew numru kbir ta’ toroq ewlenin b’investiment ta’ miljuni ta’ ewros ko-finanzjati mill-UE. Dan għax Gvern Nazzjonalista kellu viżjoni dwar it-toroq iżda Gvern Laburista jidher li m’għandux pjani għat-toroq f’Malta.

Chris Said tkellem dwar is-saħħa u qal li s-settur għandu inċertezza kbira bil-ħaddiema preokkupati minħabba li tal-qalba qed jitilqu mill-isptar u jmorru f’dipartimenti oħra. Hu kompla li l-ħaddiema jafu li l-bidliet se jsiru wara l-elezzjoni li ġejja. Din ħolqot inċertezza għaliex il-PL ma wiegħedx il-privatizzazzjoni tal-isptar ta’ Għawdex permezz tal-ftehim oxxen li sar mal-VITALS.

Hu qal li l-wifi fl-isptar ilu ġimgħa maqtugħ għax il-kuntrattur ma ħallasx il-kontijiet tal-wifi minkejja li l-kuntrattur ingħata l-miljuni. L-ispiżerja fl-isptar ta’ Għawdex qed tkun magħluqa bil-lejl bil-konsegwenza li l-pazjenti qed jistennew sa filgħodu għall-mediċini. Dan meta qabel kien hemm sistema differenti ta’ mediċini bil-lejl.

Gvern Nazzjonalista investa fid-Dipartiment tar-Rradjoloġija state of the art f’Għawdex iżda issa l-pazjenti Maltin u barranin li jħallsu jaqbżu lill-Għawdxin għaliex il-kuntrattur privat qed jippreferi lil dawk li jħallsu. Il-pazjenti bi problemi urġenti tal-qalb kienu jiġu trasportati bil-ħelikopter lejn Malta iżda minn ftit xhur ‘l hawn il-kuntrattur privat ta direttiva li dan jieqaf u jkunu trasportati bl-ambulanza bejn Malta u Għawdex. Dan meta f’dawn il-każi l-minuti fit-trasport ikunu determinati għall-ħajja.

Chris Said kompla li l-VGH fallew fejn l-iskola ta’ Barths kellha tkun lesta sa Settembru li għadda iżda għad m’hemmx ġebla waħda fiha. Hu kompla li fl-2016 suppost tlestiet l-ewwel fażi tal-isptar il-ġdid iżda għadu ma sar l-ebda investiment waqt li għad ma tpoġġiet l-ebda ġebla. VITALS ingħatat €14-il miljun li huma magħrufa li minnhom huma ma nvestew xejn fl-istess sptar. Għalhekk gvern tal-PN jirrevdi l-ftehim sigriet mal-VITALS biex min irid jinvesti fi sptar jinvesti iżda l-isptar pubbliku jibqa’ miftuħ.

Chris Said tkellem dwar ix-xogħol u qal li l-gvern qed iħaddem politika li kissret is-suq tax-xogħol f’Għawdex. Il-gvern daħħal il-mentalità li kulħadd irid jaħdem bilfors mal-gvern bi skemi ta’ xogħol prekarju. Iktar minn 700 ħaddiem Għawdxi iddaħħlu f’dawn l-iskemi bil-paga minima meta, flimkien mal-GWU, qabel il-PL kien isejħilhom skemi ta’ kundizzjonijiet prekarji. Il-GWU qed tħaddem 200 ħaddiem b’xogħol prekarju fi skema li minnha l-GWU qed taqla’ l-miljuni.

Bħala eżempju Chris Said qal li hemm 100 ħaddiem inaddfu fiċ-Ċittadella u 10 ħaddiem fl-annimal welfare. Għawdex tilef ukoll is-sens ta’ osptilaità li kellu għaliex fis-settur tat-turiżmu qed jaħdmu biss il-barranin b’kundizzjonijiet tal-biki u prekarji, sostna Chris Said.

Chris Said kompla hemm diversi porġetti li kellhom jinfetħu f’Gaħwdex iżda ma sarux u sostna li issa l-Ministru għal Għawdex se jkollu dar oħra fil-Belt fejn jagħmel il-laqgħat u fejn jorqod il-ministru meta jibqa’ Malta. Hu appella lill-Gvern biex jindirizza l-problemi ewlenin li qed jolqtu lill-Għawdxin.