Il-Pulizija fi Franza kkonfermaw l-arrest ta’ tliet persuni fuq suspett li kienu qed jippjanaw attakk terroristiku.
Sar magħruf ukoll li l-membri ta’ skwadra għall-bomb disposal fittxew fir-residenza ta’ wieħed mis-suspettati, li tinsab fil-belt ta’ Clermont-Ferrand.
Iż-żewġ arresti l-oħra saru fl-inħawi ta’ Marsilja u r-reġjun ta’ Pariġi, iżda l-awtoritajiet ma żvelawx dettalji.
Intant, xi sorsi qalu li s-suspettati spiċċaw arrestati ‘bħala parti minn investigazzjoni preliminarja li bdiet f’Jannar’. Dan meta t-tlieta taw indikazzjonijiet li kellhom jitilqu lejn is-Sirja (biex jiġġieldu gwerra qaddisa Iżlamika jew Jihad) inkella jwettqu azzjoni qattiela fi Franza.
Sorsi oħrajn ikkwotati minn Le Monde qalu wkoll li l-kumplott kien ‘avvanzat biżżejjed’ biex jirrikjedi intervent f’waqtu mill-aġenzija DGSI tas-servizzi sigrieti.
Mill-bidu tal-2015, mietu almenu 230 persuna waqt attakki minn militanti Iżlamiċi fi Franza. Dan meta l-pajjiż, illum, qed josserva stat ta’ allert għoli wara li fl-aħħar xhur spiċċa mira ta’ diversi azzjonijiet mit-terroristi mal-grupp ISIS.
//= $special ?>