Lokali

92 avukat u prokuratur legali jingħataw il-warrant

Il-Qorti fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta
L-avukati u l-prokuraturi legali li ngħataw il-warrants illum ngħataw il-parir sabiex jibżgħu għall-professjoni tagħhom u jimxu dejjem bl-irġulija

Ingħataw 92 warrant bejn avukati u prokuraturi legali. Dan waqt ċerimonja li għaliha attendew il-Prim Imħallef Silvio Camilleri, l-Avukat Ġenerali Peter Grech, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u l-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler.

Fl-indirizz tiegħu lill-avukati u l-prokuraturi legali ġodda, il-Prim Imħallef Camilleri qal li minkejja li l-kors tal-liġi fl-Universita’ hu twil u diffiċli issa il-piż għalihom ikompli jikber għaliex issa jridu jibdew jagħtu l-aqwa pariri lill-klijenti tagħhom. Qal wkoll li mhux billi issa għandhom id-degree u ngħataw il-warrant imma jridu jibqgħu aġġornati hekk kif dejjem se jkun hemm liġijiet li jinbidlu minn żmien għal żmien.
Minn naħa tiegħu l-Avukat Ġenerali Peter Grech qal li l-avukati m’għandhomx ikunu huma stess l-għodda biex itawwlu l-kawżi.

Tkellem imbgħad il-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler fejn semma’ l-importanza tar-regoli tal-etika li jridu jimxu magħhom. Qal wkoll li bħala avukati huma uffiċjali tal-Qorti u jridu juru lealta’ lejn il-klijenti tagħhom u lejn il-Qorti.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici minn naħa tiegħu qal li jridu jibżgħu għall-professjoni tagħhom u hu importanti li fil-professjoni tagħhom iridu jimxu b’irġulija.