“L-Università ta’ Malta għandha tipprovdi aktar lill-istudenti u tiżgura li jkun hemm inqas barrieri bejnhom sabiex ikompli jistudjaw l-Università.” Dan qaluh ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u l-Impjieg, Therese Comodini Cachia u l-kelliem għall-edukazzjoni, George Pullicino f’isem il-Partit Nazzjonalista, b’referenza għall-aħbar li wħud mill-istudenti kellhom jibdew jitħarrġu f’kors ġdid tal-lingwa Ingliża.
Din l-aħbar ma tantx niżlet tajba mal-istudenti universitarji, b’hekk saru diversi laqgħat mar-Rettur tal-Università u kif ukoll mal-Kunsill Studenti Universitarji. Wara dawn il-laqgħat, il-Partit Nazzjonalista ħareġ il-pożizzjoni tiegħu dwar din il-kwistjoni.
Il-partit qal li filwaqt li japprezza l-inizjattiva li ttieħdet mill-Università ta’ Malta biex tiżgura li l-istudenti jkollhom ħakma tajba tal-lingwa Ingliża, jgħid li din il-miżura ġiet introdotta b’ħafna għaġla.
Il-Partit Nazzjonalista staqsa wkoll jekk hemmx bżonn li studenti li jkunu għadhom kemm għaddew mill-eżamijiet tal-Ingliż fil-livell intermedjarju jew livell avvanzat propju ftit ġimgħat qabel jidħlu l-Università terġa’ ssirilhom eżaminazzjoni oħra.
Apparti minn hekk, il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li minkejja li jifhem il-bżonn ta’ dan il-programm ġdid fl-Università, jisħaq li ma jixtieqx li dan il-programm iwassal għal tfixkil żejjed biex l-istudenti jkomplu jistudjaw.
//= $special ?>