Fir-rapport annwali tagħha, Amnesty International wissiet li d-diskorsi li qed isiru minn diversi mexxejja madwar id-dinja, mimlija retorika diviżiva u ostili kienu qed joħolqu dinja aktar mifruda u perikoluża.
Bħala xempju ewlieni ta’ dan, Amnesty International qalet kien hemm il-President Amerikan Donald Trump iżda mhux biss. Miegħu hemm ukoll Tayyip Erdogan il-President Tork kif ukoll il-mexxejja tal-Ungerija u l-Filippini.
Il-grupp qal ukoll li diversi Gvernijiet kienu qed japprofittaw mir-refugjati għall-finijiet politiċi tagħhom. Hi qalet li kemm fl-IStati Uniti kif ukoll fl-Ewropa, ir-refuġjati qed ikunu dejjem aktar fil-mira mill-politiċi. Sitwazzjoni li se twassal għal aktar attakki fil-ġejjieni fuq nies minħabba r-reliġjon, razza jew nazzjonalità tagħhom.
Salil Shetty, is-Segretarju Ġenerali ta’ Amnesty International, qal li l-limitu ta’ dak li hu aċettabbli kull darba qed jitbaxxa u politiċi bla mistħija ta’ xejn qed japprovaw kull tip ta’ retorika mimlija mibgħeda bażati fuq l-identità tal-persuni.