Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil: “Hu tradiment kbir li ftit wara li Joseph Muscat ħa l-ġurament bħala Prim Ministru, bdew jinfetħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama”.
Il-Kumitat PANA li twaqqaf mill-Parlament Ewropew biex jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers u li nhar it-Tnejn kien f’Malta biex jisma’ x-xhieda ta’ diversi nies, qal li kollox jindika li fil-każ tal-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri hemm każ ta’ ħasil ta’ flus li ġew minn attività illegali jew korruzzjoni li ġġib magħha piena qawwija ħafna ta’ 18-il sena ħabs jew multa ta’ €2.5 miljun.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan ilbieraħ meta kien intervistat minn Reno Bugeja fil-programm Dissett, li xxandar fuq TVM.
Hu qal li hu tradiment kbir li ftit wara li Joseph Muscat ħa l-ġurament bħala Prim Ministru, bdew jinfetħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama u għalhekk il-fiduċja f’Joseph Muscat tkissret u ma tistax titranġa.
Hu qal li dan l-iskandlu twieled f’Kastilja u qed jagħmel ħsara kbira lill-pajjiżna u l-ħsara qed issir minn min ħalla f’Kastilja lil dawk li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama u fihom kellhom jitfgħu €1 miljun fis-sena f’commissions.
Dwar it-tielet kumpanija sigrieta li nfetħet fil-Panama, l-Egrant li Brian Tonna ta’ Nexia BT mal-MaltaToday qal li hi tiegħu, Simon Busuttil qal li email li kiteb Karl Cini li kienet leaked fil-Panama Papers tgiddeb dan għax fiha kiteb li s-sid ta’ Egrant mhux se jkun Brian Tonna imma kellu jagħti l-isem permezz ta’ Skype għax kienet persuna aktar importanti mill-Ministru Konrad Mizzi u minn Keith Schembri.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lill-Pulizija biex tagħmel xogħolha u tinvestiga lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, għax il-fatt li s’issa l-Pulizija ma investigatx dan il-każ juri l-gravità li jinsab fiha l-pajjiż. Hu qal li l-Kummissarju tal-Pulizija hu pupazz u ntgħażel biex ma jinvestigax lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.
Dwar is-settur tal-enerġija, Simon Busuttil irrefera għal dik li l-Gvern sejjaħ pubblikazzjoni tal-kuntratti u fakkar li ħafna mill-kuntratti kienu mgħottija bl-iswed u għalhekk jekk ikun Prim Ministru jixtri l-enerġija minn fejn tkun l-irħas.
Hu qal li lest jinvestiga l-kuntratti kollha li fihom huma mdaħħlin il-Ministru Konrad Mizzi u anke Keith Schembri.
Mistoqsi dwar l-ekonomija, Simon Busuttil qal li mhux biżżejjed li l-ekonomija sejra tajjeb għax din mhix tilħaq lil dawk l-aktar fil-bżonn. Hemm nies li mhux ilaħħqu mal-ħajja, ħafna pensjonanti qed isibuha diffiċli biex jixtru l-mediċini li ma jingħatawx mill-Gvern, u nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom waqt li l-faqar qed jiżdied.
Dwar il-każ tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, Simon Busuttil qal li l-Avukat Ġenerali qal li Jason Azzopardi għandu grad ta’ responsabbiltà għax ma ndaħalx fuq il-valur tal-proprjetà.
Mistoqsi dwar il-każ tad-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, Simon Busuttil qal li għalkemm l-applikazzjoni kienet legali hu jistenna standards għolja mill-politiċi u għalhekk talbu jirtira l-applikazzjoni kif fil-fatt għamel.
Lejn tmiem l-intervista, Simon Busuttil ħabbar li d-dokument li jmiss joħroġ il-Partit Nazzjonalista se jkun jittratta sistema alternattiva dwar it-trasport pubbliku u t-traffiku f’pajjiżna.