Lokali

Gvern ġdid PN ineħħi r-reġistrazzjoni tas-siti tal-internet

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco stqarr li dan l-abbozz ta’ liġi hu theddida serja għal-libertà tal-espressjoni u hu uniku fl-Ewropa kollha.

Kif ħabbar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, Gvern ġdid Nazzjonalista mhux se jkun qed jirrispetta l-liġi li jrid idaħħal il-Gvern ta’ Joseph Muscat, li s-siti tal-internet li jittrattaw current affairs ikunu reġistrati. Dan l-abbozz ta’ liġi hu theddida serja għal-libertà tal-espressjoni u hu uniku fl-Ewropa kollha.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia u l-Kelliem għall-Media, l-Komunikazzjoni u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli.

Mario de Marco qal li l-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni ma jista’ qatt jaqbel ma’ din il-liġi li teżisti biss f’pajjiżi bħall-Iran u l-Bangladesh. Il-Gvern mhux pass ‘il quddiem għamel, imma pass lura b’din il-liġi, qal Mario de Marco. Għalhekk, sostna Mario de Marco, l-Partit Nazzjonalista mhux biss se jopponi din il-liġi għaliex tirrestrinġi l-libertajiet tal-poplu Malti u Għawdxi fuq l-Internet, iżda se jkun qed ineħħiha eżatt wara l-elezzjoni ġenerali.

Mario de Marco sostna li ż-żgħażagħ ta’ pajjiżna għandhom jiġu mħeġġa biex jgħidu x’inhi l-opinjoni tagħhom bl-akbar libertà assoluta u mhux il-Gvern jara kif jagħmel biex jirrestrinġi liż-żgħażagħ milli jiddibattu l-aħbarijiet kurrenti. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li filwaqt li l-Gvern jiftaħar bil-liġi tal-Whistleblower, fl-istess ħin qed jiprova jeskludi l-protezzjoni tas-sors ta’ dawk li jesponu l-korruzzjoni tiegħu.

Mario de Marco temm jgħid li filwaqt li l-abbozz ta’ liġi ġie ppreżentat lill-media, l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jassigura li l-abbozz ta’ liġi ma jibqax kif inhu meta jmur għad-diskussjoni fil-Parlament. Hu qal li l-Gvern għandu jieqaf iwebbes rasu, u għal darba jisma’ minn dak li qed jgħidlu l-poplu Malti u Għawdxi li għandhom l-interess nazzjonali.

Clyde Puli rrefera għal diversi individwi u entitajiet li qed jopponu bil-qawwa din il-liġi, bl-aħħar wieħed ikun l-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni Philip Micallef, li ddeskriva dan l-abbozz ta’ liġi bħala “pass kbir lura”. Hu ddeskriva din il-liġi bħala waħda ta’ ċensura, irrispettivament minn dak li jgħidu l-Ministri tal-Gvern.

Hu fakkar li anke d-Dekan tal-Fakultà tal-Media u l-Ixjenza tal-Għarfien Ġorġ Mallia kkundanna din il-liġi, kif għamlu wkoll l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Liġi tal-IT, l-MITLA li ddeskriviet dan l-abbozz ta’ liġi bħala wieħed li jhedded il-libertà tal-espressjoni. Clyde Puli fakkar ukoll li kif sostna x-Shadow Minister Jason Azzopardi, l-abbozz ta’ liġi f’dak li għandu x’jaqsam mal-libell kriminali, jmur kontra l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Clyde Puli fakkar li l-Partit Nazzjonalista diġà ddikjara lilu nnifsu kontra li l-multa massima ta’ libelli ċivili tgħola għal €20,000.

Therese Comodini Cachia sostniet li l-Partit Nazzjonalista mhux se jirrispetta din il-liġi għaliex il-Gvern, flok jiddedika ħinu biex jagħraf il-potenzjal tal-internet f’pajjiżna, qed jara kif se jnaffar l-espressjoni ħielsa. Hi sostniet li l-Gvern, mhux jara kif se jagħmilha tal-Big Brother għandu, iżda jżid l-aċċess għall-ġurnaliżmu u l-libertà tal-espressjoni.

Hi fakkret li din il-liġi tressqet bil-għaġġla minn Owen Bonnici u Evarist Bartolo wara li l-Oppożizzjoni kienet ressqet abbozz ta’ liġi biex jitneħħa l-mandat ta’ sekwestru kontra l-ġurnalisti. Dan wara li d-Deputy Leader ta’ Joseph Muscat fetaħ mandat ta’ sekwestru kontra ġurnalista f’pajjiżna li kixfet skandlu ieħor mill-Gvern ta’ Joseph Muscat.