Għawdex Lokali

Il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar f’Malta f’April li ġej

Loghob tan-Nar ta' Malta
Il-festival se jkun fi tliet lokalitajiet differenti madwar il-gżejjer Maltin; fix-Xagħra (Għawdex), Marsaxlokk u l-Belt Valletta.

Is-16-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar għal din is-sena se tkun organizzata bejn it-22 u t-30 ta’ April minn tliet lokalitajiet differenti madwar il-gżejjer Maltin. Dawn huma x-Xagħra (Għawdex), Marsaxlokk u l-Belt Valletta.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Marsaxlokk li fiha ħadu sehem il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis u l-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo.

Dan il-festival hu meqjus wieħed uniku fejn kull sena jipparteċipaw numru kbir ta’ kumpaniji pirotekniċi, inkluż anki dawk barranin.

F’din l-edizzjoni se jieħdu sehem sitt kumpaniji pirotekniċi u l-gran finale se jkun mtella’ minn Pyromotions u St Mary Fireworks Factory ta’ Ħal Għaxaq li se joħolqu spettaklu mill-isbaħ tan-nar sinkronizzat mal-mużika.

L-għeluq tal-festival se jsir fil-Port il-Kbir fit-30 ta’ April u dan l-ispettaklu se jiċċelebra t-13-il-anniversarju meta Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea.

Din il-lejla se tkun tifforma parti miċ-ċelebrazzjonijiet kulturali tal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Għall-ewwel darba, il-kamra tan-nar lokali li se jkollha l-ogħla klassifikazzjoni se tirċievi premju prestiġjuż, dak li tipparteċipa f’festival internazzjonali barra minn xtutna.

Il-Kumitat tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar se jkun qed jgħin ir-rebbieħ finanzjarjament.